Xogħol ta’ student evalwat b’mod skorrett

exams

Każ investigat mill-Kummissajru għall-Edukazzjoni

L-ilment

Student[1] fl-Istitut tal-Agribusiness ġewwa l-MCAST ressaq l-ilment tiegħu lill-Kummissarju tal-Edukazzjoni[2] u saħaq illi wieħed mill-għalliema tiegħu (f’dan ir-rapport ser issir referenza għalih bħala l-għalliem) kien evalwalu x-xogħol tiegħu b’mod żbaljat.   L-għalliem immarka xi xogħol ta’ dan l-istudent bħala ‘Fail’ u b’konsegwenza t’hekk, hu ma setax jakkwista l-Extended Diploma li kien qiegħed jistudja għaliha.  L-istudent żied jgħid illi matul l-istudji tiegħu fi ħdan il-Kulleġġ hu kien safa ivvittimizzat mid-Direttur tal-Istitut preċedenti minħabba l-kritika passata tiegħu rigward il-malamminstrazzjoni tal-Istitut in kwistjoni.   Hu kompla jallega illi l-fatt li hu kien qiegħed ripetutament jeħel minn dan il-Unit partikolari ma kien xejn għajr ir-ritaljazzjoni tal-awtoritajiet tal-Kulleġġ għall-kritika tiegħu.

Il-persuna li ressaq l-ilment sostna illi l-proċedura involuta fl-ewwel eżami riparatorju li hu għamel ma kienetx segwita korrettement u dan minħabba l-fatt illi l-għalliem in kwistjoni ma kienx iffissa u żamm sessjoni ta’ reviżjoni.

Barra minn hekk, il-persuna li ressaq l-ilment sostna illi s-sessjoni ta’ appell li nżammet biex tikkunsidra mill-ġdid il-każ tiegħu kienet difettuża u dan għaliex, skont hu, l-membri tal-Bord naqsu milli jikkunsidraw l-evidenza kollha.  Hu allega illi filwaqt li ċ-Chairpersons tal-Bord kienu taw permess lilu u lill-ġenituri tiegħu biex jattendu għal-laqgħat li fihom nstema’ l-każ tiegħu, dawn fl-istess waqt ma ħallewhomx jikkontestaw id-dikjarazzjonijiet tax-xhieda mressqa.

Il-persuna li ressaq l-ilment talab illi l-marka ‘Fail’ li hu kien ingħata kellha tinbidel għall-waħda ‘Pass’ sabiex b’hekk hu jkun jista’ jissodisfa r-rekwiżiti kollha tal-kors u jakkwista l-Extended Diploma.

Hu talab ukoll kumpens finanzjarju għat-trattament psikoloġiku privat illi hu kellu jieħu u għall-istress mentali li hu kien ġarrab matul il-perjodu li fih  kien qiegħed jikkontesta d-deċiżjonijiet tal-Kulleġġ.

Il-fatti

Il-persuna li ressaq l-ilment daħal l-MCAST f’Ottubru 2010 biex isegwi kors full-time ta’ sentejn li jwassal għal Extended Diploma fl-Agrikoltura.  Hu segwa u temm l-istudji kollha tiegħu b’suċċess għajr għall-Unit wieħed partikolari fil-kors.  B’riżultat ta’ dan hu ma setax jgħaddi biex jakkwista l-Extended Diploma abbinata mal-kors li hu kien segwa, u dan sakemm ma jirrepetix sena oħra ta’ studju biex ilesti b’suċċess dan il-module.   Din li ġejja hija s-sekwenza tal-fatti tal-każ taħt eżami.

Fl-ewwel ġimgħa ta’ Jannar 2012, il-persuna li ressaq l-ilment daħħal ix-xogħol akkademiku tiegħu relatat mal-Unit in kwistjoni.  Fis-16 ta’ Jannar 2012, l-għalliem immarka x-xogħol tiegħu bħala ‘Fail’ u qal illi x-xogħol imressaq kien nieqes minn ċerti dettalji neċessarji.  Wara dan, verifikatur intern ikkonferma r-riżultat mogħti ‘Fail’ u l-istdunet għażel illi jgħamel referral bħala l-ewwel riparatorju.

F’każijiet simili, l-għalliema jistgħu, volontarjament, imexxu sessjoni ta’ reviżjoni għall-istudenti qabel ma dawn jerġgħu jissottomettu x-xogħol tagħhom mill-ġdid.  Il-persuna li ressaq l-ilment qal illi fil-ġurnata li fiha kellha ssir tali reviżjoni, l-għalliem in kwistjoni daħal fil-klassi u meta ra li kien hemm ftit studenti, ħa r-rassenja ta’ dawk preżenti u telaq mingħajr ma pprovda s-sessjoni ta’ reviżjoni.  L-għalliem ċaħad din l-allegazzjoni u pprovda r-rassenja tad-19 ta’ Jannar 2012 li kienet turi illi tmien studenti, inkluż il-persuna li ressaq l-ilment, attendew għas-sessjoni ta’ reviżjoni.

Lejliet id-data li fiha l-istudenti kellhom jerġgħu idaħħlu x-xogħol l-ġdid tagħhom, il-persuna li ressaq l-ilment bagħat email lill-għalliem in kwistjoni u fiha bagħatlu verżjoni aġġornata tax-xogħol tiegħu u talbu parir dwarha.  L-għalliem ma weġibx din l-email mibgħuta lilu mingħand il-persuna li ressaq l-ilment.  Sussegwentement l-għalliem spjega illi f’dik il-ġurnata partikolari hu ma kienx ra l-emails minħabba li kien ma  jiflaħx.

Il-persuna li ressaq l-ilment daħħal ix-xogħol akkademiku tiegħu bħala riparatorju fis-26 ta’ Jannar 2012.  L-għalliem flimkien ma’ verifikatur intern evalwaw ix-xogħol rivedut tiegħu fil-31 ta’ Jannar 2012 u għal darb’ oħra immarkawh bħala ‘Fail’.   Immedjatament, il-persuna li ressaq l-ilment ikkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-Istitut.   L-istess Bord, kompost mid-Direttur, għalliem fi ħdan l-Istitut u rappreżentant tal-istudenti ltaqgħu mal-istudent u l-ġenituri tiegħu fis-16 u fl-24 ta’ Frar 2012 biex jinvestigaw l-appell tiegħu u partikolarment l-istqarrija tiegħu illi x-xogħol akkademiku tiegħu kien superjuri għax-xogħol ta’ studenti oħra sħabu li kienu għaddew.  Il-Bord ħatar żewġ assessuri oħra indipendenti biex imexxu eżerċizzju ta’ reviżjoni tal-karta, u dawn għal darb’ oħra reġgħu ikkonfermaw il-marka ‘Fail’ mogħtija.  Il-Bord tal-Appell ikkonkluda illi l-proċedura ta’ riassessjar kienet korretta u għalhekk il-marka mogħtija ‘Fail’ kellha tinżamm.

Mhux konvint, il-persuna li ressaq l-ilment qajjem l-ilment tiegħu quddiem il-Corporate Appeals Board tal-Kulleġġ fejn saħaq illi matul is-smiegħ tal-każ tiegħu quddiem il-Bord, id-Direttur kien ostili fil-konfront tiegħu u ma ħalliex lilu u lill-ġenituri tiegħu jippreżentaw l-argumenti tagħhom sewwa.

Il-College Corporate Appeals Board iltaqa’ darbtejn matul ix-xahar ta’ Marzu 2012 u kien kompost mid-Deputat Prinċipal tal-MCAST, ir-Reġistratur u għalliem fi ħdan il-Kulleġġ.  Għajr għad-deliberazzjonijiet finali tal-membri rigward il-każ, il-persuna li ressaq l-ilment u l-ġenituri tiegħu kienu preżenti matul is-smiegħ kollu tal-każ tagħhom.  Il-Bord intervista lid-Direttur tal-Istitut tal-Agribusiness, l-għalliem li kien membru fuq il-Bord tal-Appell tal-Istitut u l-għalliem kif ukoll l-istudenti tal-Unit in kwistjoni.  Il-Corporate Appeals Board ma sostniex l-istqarrijiet tal-persuna li ressaq l-ilment u ċioè illi l-proċedura ta’ assessjar kienet difettuża u li l-Bord tal-Appell tal-Istitut kien iddiskrimina kontra tiegħu matul is-smiegħ tal-każ.  Il-Bord ikkonkluda illi r-riżultat ‘Fail’ mogħti lill-persuna li ressaq l-ilment kellu jinżamm. Għal darb’ oħra l-persuna li ressaq l-ilment u l-ġenituri tiegħu saħqu illi matul is-smiegħ tal-każ tagħhom huma ma tħallewx jgħamlu kontro-eżami tax-xhieda u jesprimu l-interpretazzjoni tagħhom ta’ kif ġraw l-affarijiet.  Iċ-Chairman tal-College Appeals Board ċaħad bil-qawwa kollha din l-allegazzjoni u qal illi hu ta ċans lill-persuna li ressaq l-ilment jgħid tiegħu iżda ma ppermettiex li hu jew il-ġenituri tiegħu jinterrompu s-smiegħ jew jgħaddu kummenti u allegazzjonijiet gratwiti.

Il-persuna li ressaq l-ilment flimkien mal-ġenituri tiegħu talbu l-intervent tal-Prinċipal tal-Kulleġġ, li kien wasal biex jirtira, biex jirrimedja dak li huma qiesu bħala trattament inġust mill-għalliem u miż-żewġ Chairpersons tal-Bordijiet tal-Appelli in kwistjoni.  Sussegwentement huma ġeddew it-talba tagħhom lill-Prinċipal il-ġdid tal-Kulleġġ u dan f’ittra li bagħat lill-Ombudsman tal-Università fuq dan il-każ spjega hekk:

“On taking over as Principal at MCAST, on being informed of the situation, in an attempt to resolve the situation and to give the complete benefit of the doubt to the student, the Corporate Appeals Board was reconvened and decided to give [complainant] another opportunity to redo [his] failed assignment.  It was also decided that the new assignment would be corrected by a different lecturer. This lecturer deemed that the student had not achieved the relevant criteria in this assignment and thus failed the unit.” [3]

Waqt laqa’ li l-Prinċipal żamm mal-persuna li ressaq l-ilment u l-ġenituri tiegħu, hu għarrafhom bir-riżultat tat-tielet riparatorju u spjegalhom li, skont ir-regoli tal-Kulleġġ, il-persuna li ressaq l-ilment ma setax jingħata l-Extended Diploma.  Hu ta parir lill-istudent illi biex hu jkun jista’ jakkwsita l-kwalifika mixtieqa, l-aħjar pass li seta’ jieħu kien dak li jirrepeti l-module li m’għaddiex minnu.

Il-persuna li ressaq l-ilment ma kienx sodisfatt bil-konklużjonijiet u l-pariri li tah il-Prinċipal tal-Kulleġġ u għalhekk ressaq l-ilment tiegħu quddiem l-Ombudsman tal-Università.  Fir-reazzjonijiet tiegħu għal dak li l-persuna li ressaq l-ilment allega fid-dokument tal-ilment tiegħu, il-Prinċipal ikkonferma illi hu kien investiga bir-reqqa t-talbiet ta’ dan l-istudent u sab li dawn kienu inadegwati. Huwa qal illi l-persuna li ressaq l-ilment kien ingħata kull ċans provdut mir-regolamenti biex jerġa’ jissottometti mill-ġdid ix-xogħol tiegħu, inkluż riparatorju addizzjonali, u dan sar biex kemm jista’ jkun jiġi evitat li hu jkollu jirrepeti s-sena.   Il-Prinċipal kien konvint illi l-erba’ proċeduri ta’ assessjar u ż-żewġ sessjonijiet tal-appell tmexxew bid-diliġenza kollha dovuta.

Osservazzjonijiet

Il-persuna li ressaq l-ilment kien konvint illi l-ex Direttur tal-Istitut tal-Agribusiness kienet tqisu bħala “a torn [sic] in her side” [4] u dan minħabba l-fatt illi hu kien bosta drabi jiġbdilha l-attenzjoni għal dak li hu allega li kienu nuqqasijiet fl-organizzazzjonijiet li hija kienet tmexxi.  Fost affarijiet oħra l-persuna li ressaq l-ilment allega illi l-annimali kienu miżmuma f’kundizzjonijiet ħżiena, illi l-frott kien jitħalla jitħassar fis-siġar, u li l-għalliema kienu ta’ sikwit ma jitfaċċawx għal-lezzjoni.  Huwa kien ukoll saħansitra wieħed mill-organizzaturi ta’ petizzjoni iffirmata minn 64 student fi ħdan l-Istitut tal-Agribusiness li kienu qiegħdin jinsistu illi l-Istitut kellu jipprovdilhom it-tagħlim akkademiku u prattiku li kien wegħedhom fil-fuljett promozzjonali.

Il-persuna li ressaq l-ilment saħaq illi d-Direttur kienet qiegħda titrattah ħażin bi tpattija għall-inkwiet li hu kien ħolqilha.  Hu irrefera ukoll għal żewġ okkażjonijiet fejn id-Direttur kienet inġustament akkużatu b’serq, darba akkużatu li kien seraq €20 mil-librerija u darb’oħra li seraq xi rettili mir-razzett tal-Istitut.  L-ewwel akkuża ġiet eventwalment irtirata, filwaqt li l-persuna inkarigata mil-laboratorju talbitu apoloġija għat-tieni akkuża meta min kien qiegħed rejalment jisraq inqabad fil-fatt fuq kameras tas-sigurtà.  Id-Direttur kienet akkużatu ukoll illi hu kien ta’ spiss ifalli mil-lezzjonijiet iżda r-rekords tal-attendenza tiegħu kienu juru xort’oħra tant illi huwa dejjem irċieva l-istipendju mingħajr ebda tnaqqis.  Il-persuna li ressaq l-ilment u l-ġenitur tiegħu jemmnu illi l-grad ‘Fail’ li huwa kien ingħata ma kien xejn għajr ġest ta’ tpattija mingħand id-Direttur u l-għalliem tal-Unit in kwistjoni.  L-għalliem ċaħad kategorikament din id-dikjarazzjoni u żied jgħid illi huwa rari kien jaqbel mad-Direttur aħseb u ara kemm kien ser jikkolabora magħha biex issir xi ħsara lil xi student.

Matul il-laqgħa li żammejt mal-persuna li ressaq l-ilment, dan ripetutament enfasizza li hu kien tassew jgħożż l-annimali, tant li kien iqatta’ ħafna mill-ħin liberu tiegħu itejjeb il-kontenituri li fihom kienu jinżammu r-rettili tal-Istitut.  Kemm mill-kitba tiegħu kif ukoll mill-espressjonijiet tiegħu toħroġ ċar ix-xewqa tiegħu li l-affarijiet isiru b’mod perfett anke fejn dan mhux bilfors ikun possibbli.  Huwa evidenti illi l-attitudni u l-imġieba tiegħu ma għenitx biex ikollu relazzjoni tajba ma’ xi wħud mill-membri akkademiċi tal-Istitut.   L-għalliem iddeskriva lill-persuna li ressaq l-ilment bħala student diffiċli li kellu pretensjoni wisq għolja tiegħu innifsu u tal-prodotti tiegħu; li kellu attitudni żbaljata fil-konfront ta’ persuni oħra, u li spiss kien jgħaddi kummenti dispreġġjattivi fuq membri akkademiċi u studenti oħra u dan kien jagħmlu bi ftit li xejn jew bla ebda ġustifikazzjoni.  Id-Deputat Prinċipal tal-MCAST osserva kif il-persuna li ressaq l-ilment kien ippreżenta l-allegazzjonijiet tiegħu daqs li kieku dawn kienu fatti u dan meta kien ovvju li dawn kienu mżejjna u miżjuda bil-perċezzjonijiet żbaljati li hu kellu.  Il-Prinċipal osserva kif il-persuna li ressaq l-ilment kien interpreta b’mod żbaljat id-diskussjoni li hu kellu mal-istudent u l-ġenituri tiegħu.  L-istudent interpreta l-pariri li l-Prinċipal kien tah bona fede bħala ċensura u arroganza fil-konfront tiegħu.  Il-Prinċipal saħaq illi jekk ir-rakkonti tal-persuna li ressaq l-ilment dwar l-inkontri tiegħu mal-istaff tal-Kulleġġ kienu mgħawġa u ineżatti kif kienet l-interpretazzjoni tiegħu tal-laqgħa li huma kellhom, allura wieħed jistaqsi kemm huma veritiera l-allegazzjonijiet tiegħu.

M’huwiex l-irwol tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni li janalizza l-karattru tal-persuna li ressaq l-ilment, jew ta’ xi ħadd ieħor, anke jekk l-informazzjoni mniżżla aktar ‘l fuq tista’ tgħin biex wieħed jifhem aħjar dan l-ilment.  Barra minn hekk, tajjeb illi jiġi ċċarat illi l-investigazzjoni ta’ dan l-ilment ġiet limitata għal-istqarrijiet tal-persuna li ressaq l-ilment li kellhom impatt dirett fuq il-fatt illi huwa ma għaddiex mill-Unit in kwistjoni.  Din l-investigazzjoni ma ħaditx in kunsiderazzjoni tal-allegati nuqqasijiet amministrattivi tal-Istitut li ma kienux jirrelataw mal-ilment imressaq.  Biex ngħati eżempju, matul l-investigazzjoni ma ġiex trattat il-fatt jekk l-annimali tal-Istitut kienux trattati ħażin jew le, jew jekk kienx minnhu li l-frott kien jitħalla jitħassar fis-siġar.  Ġaladarba inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-MCAST rigward dawn l-allegati nuqqasijiet, kien sta għalihom li jinvestigaw u jieħdu l-passi meħtieġa.   Bl-istess mod, mhux ser issir referenza għall-kwalità tax-xogħol akkademiku tal-persuna li ressaq l-ilment u jekk dan kienx jimmerita li jingħata ‘Pass’ jew Fail, dan l-irwol jispetta l-għalliema inkarigati minn tali assessjar.   Din l-investigazzjoni ser ukoll tinjora l-kummenti u l-paraguni tal-persuna li ressaq l-ilment fil-konfront tax-xogħol akkademiku ta’ studenti oħra.  Hawn l-irwol tiegħi huwa li nistabbilixxi jekk il-proċedura li kellha twassal biex ikun żgurat illi l-grad mogħti lill-persuna li ressaq l-ilment ikun wieħed ġust kienetx segwita korrettement u li l-proċeduri tal-appelli li nżammu biex jisimgħu l-każ tiegħu ma ddiskriminawx kontrih.

1. L-Assessjar tal-Unit in kwistjoni

Il-persuna li ressaq l-ilment issottometta x-xogħol akkademiku għall-Unit in kwistjoni u l-għalliem u verifikatur intern immarkaw ix-xogħol tiegħu bħala ‘Fail’.   Il-persuna li ressaq l-ilment reġa’ issottometta x-xogħol tiegħu mill-ġdid u għal darb’ oħra dan kien immarkat bħala ‘Fail’.   Ix-xogħol tiegħu kien suġġett għall-eżerċizzju ta’ reviżjoni tal-karta u hawn il-persuni li rrevedew ix-xogħol tiegħu (u li kienu eżaminaturi differenti minn dawk t’hawn fuq) ikkonfermaw il-grad ta’ ‘Fail’ li hu kien ngħata.  Il-Kulleġġ ta ċans lill-istudent għat-tieni riparatorju li kien jikkonsisti f’sett ta’ mistoqsijiet ġodda rigward il-module in kwistjoni u ġew appuntati żewġ assessuri totalment ġodda, li kienu eżaminatur intern u ieħor estern.  Għal darb’ oħra huma immarkwaw ix-xogħol akkademiku tal-persuna li ressaq l-ilment bħala ‘Fail’.  L-eżaminatur estern kiteb hekk:

“Student did not achieve the requested criteria in questions 1 and 3.  In question 1 mistakes could have been easily avoided as basic straight forward answers were required.  In question 3 student used direct online information in one case, and did not discuss in detail as expected.  Grade not achieved.”[5]

Dan t’hawn fuq juri li f’erba’ okkażjonijiet differenti, kienu sitt eżaminaturi li assessjaw ix-xogħol tal-persuna li ressaq l-ilment dwar il-Unit in kwistjoni.  Lkoll ikkunsidraw ix-xogħol tiegħu bħala wieħed li ma jilħaqx il-livell mistenni u immarkawh bħala ‘Fail’.   Hawn wieħed isibha kemmxejn diffiċli jifhem kif il-persuna li ressaq l-ilment jibqa’ jinsisti li x-xogħol tiegħu kien ta’ kwalità li timmerita ‘Pass’ u dan meta sitt akkademiċi mill-qasam in kwistjoni ikkunsidraw li ma kienx il-każ.  Meta waqt it-tieni laqa’ tiegħi mal-persuna li ressaq l-ilment tlabtu jiġġustifika t-talba tiegħu li jingħata ‘Pass’ meta f’erba’ darbiet konsekuttivi sitt eżaminaturi ikkunsidraw ix-xogħol tiegħu bħala ‘Fail’, hu u ommu saru aġitati u bdew jallegaw li kien hemm firxa ta’ korruzzjoni fl-MCAST u li l-għalliem in kwistjoni kien kompliċi biex ma jgħaddihx.)

2. It-tutorial ta’ qabel reġa’ issottometta x-xogħol tiegħu l-istudent

Waqt is-smiegħ tal-każ tiegħu quddiem il-Bord tal-Appelli tal-Istitut, l-istudent ipprotesta illi l-grad li hu kien ingħata fl-ewwel riparatorju kellu jitqies bħala invalidu għaliex l-Istitut ma kienx provdielu l-assistenza ta’ tutorial dovuta lilu qabel ma hu reġa’ issottometta mill-ġdid ix-xogħol tiegħu.  L-Assessment Regualation 3.15 relevanti għall-każ tgħid hekk:

“Students who receive a referral grade may need to arrange a referral tutorial in order to clearly establish what work still has to be completed.“ [6]

Dan mgħadud, l-għalliem ipprovda evidenza dokumentata illi kienet turi illi hu kien fil-fatt ta din it-tutorial u li dan kien għamlu qabel mal-istudenti kellhom jissottomettu mill-ġdid ix-xogħol tagħhom.  Din l-evidenza kienet saħansitra turi illi l-persuna li ressaq l-ilment kien fil-fatt attenda għal din it-tutorial.  L-istudenti li taw l-evidenza tagħhom quddiem il-Corporate Appeals Board ikkorraboraw ma dak li qal l-għalliem u dan wassal lill-Bord biex jinforma lill-persuna li ressaq l-ilment bis-segwenti:

“You have failed to prove that the tutorial of the 23rd [should read 19th] did not take place.  On the contrary, a number of students stated the contrary and stated also that they were happy with the feedback they received on that day.”

Il-konklużjonijiet tal-Bord ikomplu jgħidu hekk:

“Your statement that the email sent to the lecturer [name of lecturer] on 25th January was left unanswered is not reasonable, considering that you chose to submit the assignment the very next day on the 26th.  Your action hardly gave the assessor time to look at [his] email and respond.” [7]

Il-Corporate Appeal Board laqa’ d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Istitut li l-marka ‘Fail’ mogħtija lill-istudent għax-xogħol li huwa kien issotometta fir-riparatorju kellha tinżamm.

3. Il-Proċeduri adottati waqt is-smiegħ tal-Appelli

Il-persuna li ressaq l-ilment u l-ġenituri tiegħu saħqu li l-proċeduri segwiti matul l-appelli tagħhom qudiiem il-Bord tal-Appell tal-Istitut kif ukoll waqt dak quddiem il-College Corporate Board of Appeals kienu difettużi.  Huma insistew illi ż-żewġ Bordijiet ma ħallewhomx jesprimu l-każ tagħhom sewwa u li saħansitra żammewhom milli jagħmlu kontro eżami tax-xhieda.  Id-Deputat Prinċipal li kien responsabbli mill-investigazzjoni tal-proċedura adottata mill-appell tal-Istitut u li kien ukoll Chairperson fuq il-Corporate Appeals Board ċaħad din l-allegazzjoni mressqa mill-persuna li ressaq l-ilment.  Huwa spejga kif fiż-żewġ ċirkostanzi l-persuna li ressaq l-ilment u l-ġenituri tiegħu ingħataw ċans jgħidu l-verżjoni tagħhom u jippreżentaw l-evidenza li huma deherilhom xierqa.  Huwa żied jgħid li l-persuna li ressaq l-ilment ma tħalliex ifixkel lix-xhieda jew jgħaddi rimarki gratwiti fuq l-istqarrijiet li ma jgħoġbuhx.  Barra minn hekk, il-Prinċipal enfasizza illi minn investigazzjoni li huwa stess għamel dwar l-allegazzjonijiet tal-persuna li ressaq l-ilment, huwa stabilixxa illi l-proċess kien segwit korrettement.

Huwa evidenti, għall-osservatur newtrali,  illi l-esperjenzi qarsa li l-persuna li ressaq l-ilment għadda minnhom kemm dam fl-Istitut, mhux l-inqas l-allegazzjonijiet infondati tad-Direttur fil-konfront tiegħu, komplew għenu fit-tisħiħ tal-perċezzjoni u t-teoriji tiegħu li kien qiegħed jinbena xi pjan kontrih.  Eventwalment hu saħansitra ġġeneralizza l-esperjenzi negattivi li huwa ġarrab fl-Istitut u qies bl-istess mod lill-uffiċjali kollha tal-Kulleġġ.  Is-suspetti li hu kellu rigward in-nuqqas ta’ maniġment fl-Istitut tal-Agribusiness wassluh biex jibda jemmen illi l-uffiċjali tal-MCAST kienu kollha korrotti u li kienu kollha magħquda u miftehma biex jiddiskriminaw kontrih.  Sakemm wasal biex iressaq l-ilment tiegħu lill-Ombudsman tal-Universita hu kien tilef il-fiduċja f’kull uffiċjal fi ħdan il-Kulleġġ, inklużi dawk li tawh pariri siewja.

Konklużjoni

M’huwiex l-irwol tiegħi u lanqas hi fil-kapaċità tiegħi illi nevalwa x-xogħol sottomess mill-persuna li ressaq l-ilment dwar il-Unit in kwistjoni.  Minkejja dan iżda ninnota illi sitt eżaminaturi, inkluż wieħed estern, ikkoreġew x-xogħol tal-persuna li ressaq l-ilment u lkoll ikkunsidraw li dan ma kienx jilħaq il-kwalità aċċettabbli u b’hekk immarkawh bħala ‘Fail’.   Matul din l-investigazzjoni, jien ma sibt ebda evidenza li turi illi x-xogħol tal-persuna li ressaq l-ilment kien ikkoreġut b’mod inġust jew diskriminatorju.   Minħabba f’hekk jien m’inix f’pożizzjoni li nsostni l-ewwel ilment tiegħu fejn talab illi l-grad li hu kien ngħata kellu jitqies bħala wieħed invalidu.  Lanqas ma nsostni l-istqarrija tiegħu illi l-għalliem tal-Unit in kwistjoni ma għamilx xogħlu sewwa qabel sar l-ewwel eżami riparatorju.

Il-persuna li ressaq l-ilment tenna wkoll illi waqt l-istudji tiegħu fl-Istitut tal-Agribusiness huwa kien ivvittimizzat u trattat b’mod inġust.  Huwa sostna illi dan it-trattament inġust kien rifless ukoll fil-mod kif tmexxew l-appelli li huwa kien ressaq kontra l-grad ‘Fail’ li kien ngħata.   Mill-investigazzjoni ta’ dan l-Uffiċċju ħareġ li kien minnu li r-relazzjoni tal-persuna li ressaq l-ilment ma’ xi membri tal-Istitut kienet turbulenti, iżda l-attitudni agressiva tiegħu kompliet aggravat in-nuqqas ta’ fiduċja bejniethom.  Saħansitra r-relazzjoni tiegħu mad-Direttur kienet waħda pjuttost ħażina hekk kif jidher mit-tlett darbiet li din inġustament akkużatu b’imġieba ħażina serja.   Wieħed ma jkunx sorpriż allura illi l-persuna li ressaq l-ilment wera s-suspetti tiegħu dwar il-mod ta’ kif ġew trattati l-appelli tiegħu.  Minkejja dan iżda, l-persuna li ressaq l-ilment kien żbaljat meta interpreta d-deċiżjoni tal-Bord li ma jħallix interuzzjonijiet u persuni jakkużaw lill-xulxin waqt is-smiegħ tal-każ bħala miżuri maħsuba biex joħonqu d-dritt tiegħu li jiddefendi ruħu.

Fid-dawl ta’ dak imsemmi hawn fuq, l-opinjoni finali tiegħi hi li mhux eskluż illi d-Direttur ta’ qabel setgħat poġġiet pressjoni żejda u mhux mistħoqqa fuq il-persuna li ressaq l-ilment.  Minkejja dan iżda, jien ma sibt ebda evidenza illi turi li l-awtoritajiet tal-Kulleġġ mexxew iż-żewġ proċeduri ta’ appelli dwar il-każ tiegħu b’mod li kien inġust jew b’ġudizzju impropju kontrih.

Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkostanzi jien ma nsib ebda ġustifikazzjoni li ssostni t-talba tiegħu għal kumpens finanzjarju.

Rakkomandazzjoni

L-amministraturi fil-qasam edukattiv għandhom iħajjru u mhux jiskoraġġixxu l-interess tal-istudenti fil-maniġment tal-organizzazzjoni fejn huma jkunu qiegħdin jitħarrġu.  Tali interess jgħin fit-tisħiħ tas-sens ta’ appartenenza u impenn.  Minn din l-investigazzjoni ħareġ ċar illi l-amministratur tal-Istitut tal-Agribusiness ma ħaditx gost bl-entużjażmu li l-persuna li ressaq l-ilment kellu biex itejjeb l-istruttura organizzattiva u fiżika tal-Istitut.  Saħansitra l-indikazzjonijiet juru li hi kienet tikkunsidrha bħala theddida.  Minn naħa tiegħu l-istudent waħħad l-inkontri koroh li hu kellu fl-Istitut mal-inkontri sussegwenti tiegħu mal-uffiċjali tal-MCAST u qieshom kollha f’keffa waħda.  B’riżultat ta’ hekk hu tilef il-fiduċja u akkuża b’bias lill-dawk li ġenwinament ippruvaw jgħinuh.   Iż-żewġ naħat jistgħu issa juru rieda tajba billi jikkolaboraw flimkien biex tinstab soluzzjoni ekwa li twassall lill-persuna li ressaq l-ilment biex itemm b’suċċess l-istudji tiegħu.

Minkejja l-fatt illi ma nsostnix l-allegazzjoni tal-persuna li ressaq l-ilment li r-riżultat li hu ngħata kien inġust, nipproponi li, jekk ir-regoli tal-Kulleġġ jippermettu, il-persuna li ressaq l-ilment għandu jitlob lill-awtoritajiet tal-MCAST biex jagħtuh l-opportunità li jerġa’ jingħaqad fil-kors anke f’dan l-istadju pjuttost tard fis-sena skolastika.  Bit-tagħlim neċessarju u bl-isforzi tiegħu, l-istudent ikollu ċans jiggradwa u jakkwista l-Extended Diploma aktar tard din is-sena.  B’hekk wieħed jittama illi, biex nuża metafora pastorali, l-aspirazzjonijiet tiegħu li jifjorixxi fil-qasam tal-Agribusiness, iħallu l-frott.

[1]  Sabiex tiġi evitata referenza bla bżonn għall-pronomi maskili/femminili (bħal hi u hu), f’dan ir-rapport ser nirreferu għall-persuna li ressaq l-ilment fil-maskil, anke jekk mhux neċessarjament hu l-każ.

[2] Il-Professur Farrugia beda l-investigazzjoni tiegħu fuq dan l-ilment fil-kapaċità tiegħu ta’ Ombudsman tal-Università.  Huwa kompla jinvestiga u għalaq dan il-każ wara l-ħatra tiegħu ta’ Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-1 ta’ Frar 2014.  Din l-Opinjoni Finali tinkludi referenza għan-nomenklatura ta’ Kummissarju għall-Edukazzjoni.

[3]  Ittra, datata 7 ta’ Ottubru 2013 mill-Prinċipal tal-MCAST lill-Ombudsman tal-Università; iż-żewġ naħat reġgħu iddiskutew l-każ mill-ġdid fi Frar 2014 fejn hawn il-Prinċipal iċċara l-punt illi kien hemm żewġ korretturi, wieħed intern u l-ieħor estern li raw it-tieni riparatorju tal-persuna li ressaq l-ilment u li t-tnejn li huma qablu fuq il-makra mogħtija ‘Fail’.

[4] Ikkwotata mid-dokument tal-ilment tal-istudent.

[5] Rapport tal-Eżaminatur Estern dwar it-tieni eżami riparatorju tal-persuna li ressaq l-ilment.

[6] Sezzjoni 3.15 tal-Assessment Regulations tal-MCAST.

[7] Ittra datata 21 ta’ Mejju 2012, mir-Registrar tal-MCAST lill-persuna li ressaq l-ilment.

Każijiet fil-qosor