X’inhi l-funzjoni tiegħu?

L-Ombudsman iservi bħala Kummissarju għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi u hu responsabbli  mill-investigazzjoni ta’ lmenti dwar kull deċiżjoni, azzjoni jew nuqqas ta’ azzjoni mill-awtoritajiet pubbliċi, bħal ma huma d-dipartimenti tal-gvern, korpi statutorji, korporazzjonijiet, aġenziji u fondazzjonijiet, kif ukoll dawk il-kumpaniji li fihom il-Gvern għandu kontroll effettiv fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħhom f’isem il-Gvern.  Dawn l-ilmenti jitressqu mill- pubbliku li jħossuhom aggravati u li jħossu li jkunu sofrew minn xi inġustizzja, tbatija jew diskriminazzjoni minn xi dipartiment  jew awtorita` tal-Gvern

L-Ombudsman iwettaq l-investigazzjoni tiegħu b’mod kunfidenzjali u l-informazzjoni kollha li tasal fl-Uffiċċju tiegħu tintuża biss għal skopijiet ta’ investigazzjoni.

Is-servizzi offruti mill-Ombudsman huma kollha bla ħlas u filwaqt li l-Ombudsman jagħmel kull sforz biex jikkonkludi l-investigazzjonijiet tiegħu fl-iqsar żmien possibbli, dan bl-ebda mod ma jippreġudika l-kwalita` tas-servizzi li hu joffri

Għalkemm wieħed għandu jirrikorri għas-servizzi tal-Ombudsman wara li jkun prova jikseb rimedju mingħand l-awtoritajiet ikkonċernati. Madanakollu, dan ma jfissirx li meta wieħed iressaq l-ilment tiegħu lill-Ombudsman ma jkunx qiegħed jinterrompi t-termini tal-preskrizzjoni (preskrizzjoni huwa ż­-żmien stipulat li fih wieħed jista’ jibda’ proċeduri ġudizzjarji).  Għalhekk, kull min iressaq ilment lill-Ombudsman jiġi mgħarraf li kemm-ildarba hu jkun jixtieq iħares il-jeddijiet ċivili tiegħu għandu jieħu l-passi kollha meħtieġa bil-liġi biex jinterrompi l-preskrizzjoni.

Mistoqsijiet