Transfer temporanju dam aktar minn ħames snin

HN0020

Ilment investigat mill-Kummissarju għas-Saħħa

L-ilment

Uffiċjal pubbliku (il-complainant) li jaħdem fl-IT (taqsima tal-informatika) fl-iSptar Mater Dei (MDH) fi grad sostantiv fi Skala ta’ Salarju 11 ilmenta li fl-2008 kien ġie informat biex iwettaq dmirijiet oħra. Il-complainant qal li hu ġie assenjat din il-pożizzjoni b’mod temporanju u kien ġie stabbilit li dan il-kompitu kien ser ikun għal xahrejn. Madanakollu, kien baqa’ u għadu qiegħed jaqdi dawn id-dmirijiet mingħajr

ma jiġi ikkumpensat għalihom, għal aktar minn ħames snin. Il-complainant kompla jgħid li meta kien ġie trasferit kienu qalulu li din kienet biss miżura temporanja li ittieħdet minħabba dewmien fi ħruġ ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet.

X’jirriżulta mill-fatti

F’Ġunju 2008, il-complainant rċieva korrispondenza elettronika (email) mingħand id-Direttur tiegħu fejn ġie informat li wara laqgħa importanti li kienet saret mas- Segretarju Parlamentari, kien ġie deċiż li wieħed mill-membri fit-taqsima tiegħu kellu jiġi trasferit minnufih għal xahrejn biex iħarreġ l-impjegati tal-isptar fl-IT. Id-Direttur speċifika ukoll, li dan kien qiegħed isir minħabba li s-Sejħa għall-Applikazzjonijiet li kien ser joħroġ il-Gvern għal IT Trainers fl-isptar kienet ser tieħu aktar żmien milli mistenni biex tiġi ippubblikata, filwaqt li l-ħtieġa għattaħriġ kienet qiegħda ssir dejjem aktar urġenti.

Id-Direttur ikkomunika mal-complainant li “After careful consideration, I have identified you as the most suitable candidate for this.” Id-Direttur kompla “I am 100% confident that you will succeed to make a very good job out of this training.”

Il-complainant qal ukoll li għalkemm ħafna drabi kien imwiegħed li s-sejħa għall-applikazzjonijiet kienet ser toħroġ, it-transfer tiegħu dam għal aktar minn ħames snin u s-sejħa għall-applikazzjonijiet baqgħet qatt ma ġiet ippubblikata.

Il-Kummissarju għas-Saħħa bagħat id-dettalji kollha mogħtija mill-complainant lill-management tal-MDH għall-kummenti tagħhom.

Id-Direttur tal-Immaniġġjar tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija (IM&T) fl-MDH wieġeb illi l-complainant ma kienx sfurzat kontra r-rieda tiegħu biex iwettaq dawn id-dmirijiet, imma kien intalab jagħmel dan u hu aċċetta.

Id-Direttur iddikjara ukoll li l-complainant ma kienx qiegħed isofri ebda żvantaġġ finanzjarju b’riżultat ta’ dan it-transfer, għall-kuntrarju, hu kien qiegħed jaħdem bix-shift u għalhekk kien hemm il-ħtieġa illi jsir t-training barra l-ħin tax-xogħol normali tal-uffiċċju, u dan kien ifisser aktar dħul minn dak tal-grad sostantiv talcomplainant  dak abbinat ma’ Skala 11. Il-complainant kien ukoll jitħallas l-allowance tax-shift, btajjel pubbliċi u l-Ħdud.

Id-Direttur insista li “When the situation was reviewed, (the complainant) did not express a desire to return to his previous duties. He preferred to continue working as a trainer (which would increase his chances of securing the Scale 10 position when the call was issued).

Id-Direttur ikkonferma ukoll illi minkejja li l-management tal-MDH kien qiegħed jagħmel pressjoni, l-Gvern baqa’ ma ħariġx is-sejħa għall-IT Trainers flisptar. Huwa spjega li dwar dan, l-amministrazzjoni tal-MDH ma kellhiex kontroll.

Huwa kompla jgħid li “…the Hospital does depend on him as no recruitment has been forthcoming, and the fact that his colleague is due for retirement with the eventuality that he will take over the entire unit.”

Biex tiġi evitata li s-sitwazzjoni tmur għall-agħar, id-Direttur ikkomunika mal-Aġenzija tat-Teknoloġija tal-Informatika ta’ Malta (MITA) biex jinbeda l-proċess biex dan is-servizz jingħata b’xogħol ta’ kuntratt billi tinħareġ tender għalih. Madanakollu d-Direttur ikkonkluda li din l-inizjattiva kellha titwarrab minħabba nuqqas ta’ fondi.

Il-Kummissarju għarbel il-korrispondenza li kienet annessa mat-tweġiba tad- Direttur u minnha ħareġ li qabel mal-complainant beda jaħdem full-time f’din t-taqsima fejn kien ġie trasferit, hu kien kiteb lill-Manager tiegħu fejn qallu“…please understand that I can continue in delivering other duties that are past my grade”.

Madankollu fi skambju ta’ korrispondenza mal-management, huma kienu irreferew għall-complainant bħala wieħed li“…likes the work and is not looking for any extra perks.”

Dwar il-punt fejn id-Direttur tal-Immaniġġjar tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija (IM&T) iddikjara li minkejja li l-management tal-MDH kien qiegħed jinsisti, iżda id-Dipartiment xorta waħda baqa’ ma ħariġx is-sejħa għall-applikazzjonijiet,  Kummissarju talab lid-Direttur tal-Human Resources Practices fid-Dipartiment tas-Saħħa biex jispeċifika x’azzjoni ttieħdet dwar din il-kwistjoni.

Id-Direttur wieġeb “calls for applications are subject to inclusion in the Capacity Building Exercise and subsequent approval by the Ministry of Finance and the Office of the Prime Minister – it does not transpire that any further vacancies in this grade were ever approved, and, therefore, the call could not be issued.”

Il-Kummissarju bagħat ir-risposta li kien irċieva lid-Direttur tal-Immaniġġjar tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija (IM&T) biex jirrimarka dwarhom u dan wieġeb li minn meta hu kien nħatar fl-2011, “on various occasions, highlighted the fact that the IM&T Directorate was in dire need of additional resources” u li “recruitment within the IT Sector at MDH has been none over the past four or five years”.

Il-Kummissarju irrefera din il-kwistjoni lis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għas-Saħħa biex jagħtih il-kummenti tiegħu. Is-Segretarju Permanenti wieġeb illi l-Ministeru ma kienx f’pożizzjoni li jħallas lill-complainant ħlas addizzjonali għaxxogħol li huwa wettaq minn meta ġie trasferit, minħabba li kien għamel ix-xogħol mistenni minnu f’dik il-pożizzjoni. Il-Ministeru qal ukoll illi fil-Capacity Building Exercise (CBE) li jmiss kellhom jitolbu li jimtela l-post il-ġdid fid-Dipartiment tal- IT, li għalih seta’ japplika l-complainant jekk iħoss li huwa kwalifikat biżżejjed.

Il-Kummissarju talab lid-Direttur tal-Immaniġġjar tal-Informazzjoni u t-Teknoloġija (IM&T) biex fost kjarifika oħra jiċċaralu:

  1. l-iskala li kien fiha l-impjegat l-ieħor li kellu job description identika;
  2. jekk l-uffiċjal l-ieħor kellux l-istess pożizzjoni tal-complainant; u
  3. jekk dan l-istess uffiċjal kien qiegħed jagħmel l-istess xogħol bħal complainant.

Id-Direttur wieġeb li l-impjegat l-ieħor kien fi Skala 10 u li kien jokkupa l-pożizzjoni ta’ IT Training Officer. Huwa ikkonferma illi l-complainant kien qiegħed jaqdi d-dmirijiet li jħarreġ l-individwu dwar l-applikazzjonijiet tal-isptar. Id-Direttur tenna li hu kien talab għal aktar staff għaliex l-unika uffiċjal ieħor kien wasal biex jirtira u talab għal sitt uffiċjali oħra.

Il-complainant argumenta illi d-dmirijiet tiegħu kienu fil-fatt aktar intensivi minn dawk tal-IT Training Officer. Huwa spjega li l-kollega tiegħu kien iħarreġ lill-istaff klerikali filwaqt li hu kien iħarreġ lill-professjonisti bħal infermiera, tobba u konsulenti.

Kunsiderazzjonijiet u kummenti

Mill-investigazzjoni li għamel il-Kummissarju ħareġ illi f’Settembru tal-2008, il-complainant kien mitlub iwettaq ix-xogħol ta’ IT Training Officer. Din il-miżura kellha tkun għal żmien temporanju (xahrejn) madankollu baqgħet għaddejja għal aktar minn ħames snin.

Kien ukoll ċar li d-Dipartiment tas-Saħħa kien mitlub ħafna drabi millamministrazzjoni tal-MDH biex joħroġ din is-Sejħa għall-Applikazzjoni għal din l-imsemmija pożizzjoni. Id-Dipartiment tas-Saħħa qatt ma taha prijorità anke jekk kien jaf li meta ħarġu ż-żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet fl-2007 kien hemm erba’ postijiet vakanti u ma mtliet ebda waħda minnhom.

Minħabba li baqa’ ma sar xejn aktar u minħabba l-urġenza imminenti l-MDH talab għal seba’ pożizzjonijiet – waħda biex timtela mill-ewwel il-vakanza li kienet ser tinħoloq u sitt postijiet oħra. Il-Kummissarju ġibed l-attenzjoni li l-awtoritajiet tal-isptar kienu ippruvaw mingħajr suċċess li jingaġġaw staff permezz tal-MITA, iżda kull ma kien lest li joffri d-Dipartiment tas-Saħħa kien li fil-Capacity Building Exercise li jmiss kien ser jitlob li timtela l-pożizzjoni l-ġdida fid-Dipartiment tal-IT.

Il-Kummissarju wieġeb li ma kienx każ li jinħoloq post ġdid iżda li timtela l-vakanza ta’ dak l-uffiċal li kien ser jirtira. Kien evidenti l-fatt li l-complainant kien qiegħed jaqdi dmirijiet li kienu ogħla mill-grad tiegħu. Matul l-istħarriġ, instab li l-uffiċjal l-ieħor li kien jaħdem mal-complainant kien qiegħed fi Skala 10. Il-Kummissarju wera li hu ma kienx jaqbel mal-istqarrija tas-Segretarju Permanenti meta qal li d-dmirijiet li kien qiegħed iwettaq il-complainant kienu dawk mistennija minnu fil-grad tiegħu.

Fil-kummenti tiegħu dwar l-istħarriġ il-Kummissarju qal li l-ħatra talcomplainant kienet bħala Support Officer, pożizzjoni li hija fi grad anqas fi Skala ta’ Salarju 11 u mhux dik ta’ Training Officer li kienet tinsab fi Skala tas-Salarju 10.

Il-Public Service Management Code (PSMC) fil-paragrafu 2.4.6.2 jagħraf il-ħtieġa li jkun hemm deputising allowance. Din tingħata meta impjegat ikun qiegħed jaqdi doveri li huma ogħla mill-grad tiegħu u f’dan il-paragrafu (2.4.6.4) hemm spjegat kif għandha titħallas ir-rata ta’ din l-allowance. Madankollu l-fatt li l-awtoritajiet tas-Saħħa naqqsu li jġibu l-approvazzjoni tad-Direttorat tal-Employee Relations kif indikat fil-paragrafu 2.4.6.3 tal-PSMC ma kellux jiskwalifika lill-complainant milli jitħallas l-allowance. L-impjegat ma kellux ibati l-konsegwenzi minħabba n-nuqqas ta’ azzjoni tas-superjuri tiegħu.

Il-Kummissarju qal ukoll li irrispettivament mir-rekwiżiti l-oħra li huma mitluba mill-Public Service Management Code (PSMC) sabiex tingħata din l-allowance, kienet moralment inaċċettabbli li impjegat jiġi assenjat għal żmien twil dmirijiet li jappartjenu lil grad u skala ta’ salarju ogħla u jiġi mħallas anqas. Is-sitwazzjoni hija agħar, meta hemm impjegati oħra li qegħdin jagħmlu l-istess xogħol u huma mħallsa aktar.

Konklużjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

Il-Kummissarju ikkonkluda li l-complainant kien ġie mitlub li jwettaq ix-xogħol ta’ Training Officer u dan ix-xogħol kien qiegħed jagħmlu u kien ilu jagħmlu minn Settembru tal-2008. Dawn id-dmirijiet kienu ta’ grad ogħla mill-grad sostantiv tiegħu u kien ilu jwettaqhom għal aktar minn ħames snin u baqa’ jitħallas fi Skala ta’ salarju fil-grad sostantiv tiegħu. Id-dikjarazzjoni li huwa kien qiegħed jaħdem fuq roster/overtime ma kienx argument validu biex il-complainant jiġi mħallas anqas minn dak li kien dovut lilu. Kienet l-amministrazzjoni tal-isptar li tiddeċiedi l-ħtieġa li impjegat jaħdem fuq bażi ta’ roster/overtime skont in-natura tax-xogħol u d-dmirijiet tal-pożizzjoni li kienu ta’ grad ogħla. Fil-fatt il-kollega tal-complainant ukoll kien qiegħed jaħdem fuq shift.

Ħareġ ċar li l-awtoritajiet tas-Saħħa kienu ħallew din is-sitwazzjoni tibqa’ għaddejja għal ħames snin mingħajr ma ħadu azzjoni sabiex tiġi rimedjata. Il-Kummissarju iddikjara li kien inaċċettabbli li min iħaddem jitlob impjegat li jwettaq dmirijiet ogħla mill-grad tiegħu għal żmien daqstant twil għaliex dan seta’ faċilment jitqies bħala cheap labour.

Il-Kummissarju jifhem u jaċċetta l-fatt li fil-PSMC impjegat jista’ jiġi assenjat doveri li huma ta’ grad ogħla minn tiegħu minħabba l-esiġenzi tas-servizz għal perjodu ta’ mhux aktar minn tlett xhur. Madankollu f’dan il-każ, is-sitwazzjoni tħalliet għaddejja għal aktar minn ħames snin.

Għalhekk, il-Kummissarju irrakkomanda li l-complainant kellu jingħata d-differenza fil-paga minn dik ta’ Skala 11 għal dik ta’ Skala 10. Dan il-ħlas kellu jingħata b’lura minn Settembru 2008 flimkien maż-żidiet (increments) applikabbli.

Il-Kummissarju irrakkomanda ukoll li d-Dipartiment tas-Saħħa kellu jikkonsidra immedjatament il-proċess meħtieġ biex jitlesta l-Capacity Building Exercise biex tkun tista’ tinħareġ s-sejħa għall-applikazzjonijiet.

Id-Dipartiment tas-Saħħa aċċetta r-rakkomandazzjoni li ta l-Kummissarju li jagħti l-ħlasijiet b’lura kif rakkomandat.

Każijiet fil-qosor