Titħabbar il-mewt tal-Kummissarju tal-Edukazzjoni

Hi b’sogħba li l-Uffiċċju tal-Ombudsman iħabbar il-mewt allarrieda tal-Kummissarju għall-Edukazzjoni, is-Sur Charles Caruana Carabez, il-lejl li għadda.

Is-Sur Caruana Carabez inħatar Kummissarju għall-Edukazzjoni fl-1 ta’ Settembru 2017. Hu iddedika ħajtu biex jippromwovi u jsostni edukazzjoni tal-għola livell. Matul iż-żmien li serva bħala Kummissarju tal-Edukazzjoni dejjem fittex li jtejjeb r-relazzjonijiet bejn l-awtoritajiet u l-istiuzzjonijiet edukattivi pubbliċi waqt li jiddefendi l-interess taċ-ċittadini li jkunu sofrew minn amministrazzjoni ħażina.  Dan għamlu b’sens qawwi ta’ dover u b’element qawwi ta’ ekwità w umanità.

Is-Sur Caruana Carabez kellu karriera twila bħala edukatur. Hu serva bħala għalliem u kap tad-Dipartiment fl-Istitut Tekniku, fl-Iskola Superjuri Gian Franġisk Abela u fil-Junior College tal-Università.  Kien membru tal-Kunsill tal-Università u membru tal-bordijiet tal-ITS, tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb u l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla. Ikkontribwixxa ħafna artikoli fil-gazzetti u huwa awtur ta’ żewġ kotba dwar il-letteratura Ingliża.

L-Ombudsman, il-Kummissarji u l-iStaff tal-Uffiċċju tal-Ombudsman isellmu l-memorja tas-Sur Caruana Carabez u jestendu l-kondoljanzi tagħhom lill-familja tiegħu.

Stqarrijiet