Terminat kuntratt ta’ impjieg definit waqt il-probation

L-ilment

Professional Support Executive li kienet impjegata fuq kuntratt ta’ sena ma’ Aġenzija Sapport, allegat li l-kuntratt definit tagħha kien ġie terminat mingħajr ma ingħatat raġuni valida, meta normalment dawn it-tip ta’ kuntratti kienu jiġu mġedda.  Il-complainant ħasset li kienet ġiet trattata ħażin meta ġiet imġiegħla titlaq mill-uffiċċju b’mod immedjat.

L-investigazzjoni

L-Ombudsman stabbilixxa li skont il-kuntratt tagħha l-complainant kellha perjodu ta’ impjieg bi prova (probation period) għal sena.  Hi kienet bdiet l-impjieg tagħha fl-1 ta’ Lulju 2013 u fit-13 ta’ Ġunju 2014 kienet ġiet ordnata mis-superjuri tagħha li tiġbor ħwejjiġha u tmur id-dar dak il-ħin stess.  Dan kien ifisser li l-inċident ġara fiż-żmien meta hi kienet għadha waqt il-perjodu ta’ prova u ftit qabel ma skadielha l-kuntratt definit.

Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (li taħtha taqa’ l-Aġenzija Sapport) ikkonfermat li l-kuntratt ta’ impjieg tal-complainant kien wieħed definit għal sena u li l-perjodu ta’ prova kien ikopri t-terminu sħiħ tal-kuntratt skont il-policy marbuta mal-Professionals. Din il-policy kienet titlob ukoll li waqt dan il-perjodu ta’ prova jsiru żewġ rapporti dwar l-impjegat imsemmija, wieħed wara erba’ xhur u l-ieħor fl-għaxar xahar tal-impjieg.

Il-Fondazzjoni elenkat numru ta’ problemi fl-aġir tal-complainant waqt it-twettiq tad-dmirijiet tagħha u dawn huma riflessi kemm fl-ewwel rapport kif ukoll fit-tieni wieħed.  B’mod speċifiku jirreferu għall-inċidenti li seħħew waqt li kienet qed taqdi d-doveri tagħha kif ukoll fir-relazzjonijiet tagħha mal-kollegi.  Il-Fondazzjoni ikkunsidrat li dawn in-nuqqasijiet ma kienux skont il-proċeduri addottati mill-Fondazzjoni.

L-Ombudsman investiga l-kontenut taż-żewġ rapporti li essenzjalment enfasizzaw li allegatament il-complainant kellha diffikultà sabiex twettaq il-ħidma tagħha b’mod professjonali, mhux biss meta tikkomunika mal-klijenti imma anke mal-kollegi tagħha.  Wara l-ewwel rapport il-complainant kienet inġibditilha l-attenzjoni biex tagħraf tindirizza dawn in-nuqqasijiet iżda ftit li xejn sar progress min-naħa tagħha għalkemm ingħatat anke taħriġ permezz ta’ sessjonijiet ta’ superviżjoni formali, laqgħat mat-tim u konsultazzjonijiet oħra regolari.  Madanakollu, l-complainant jidher li baqgħet issib diffikultà biex tapplika t-tagħrif relatat max-xogħol għall-ħtiġijiet tal-klijenti, kif ukoll li tifhem preċiż ir-rwol tagħha bħala Professional Support Worker, li taġixxi ta’ ħolqa essenzjali bejn il-management u s-support workers. Barra minn hekk, id-diffikultajiet fir-relazzjonijiet bejnha u l-kollegi tagħha baqgħu jippersistu.  L-ewwel rapport dwarha kien ikkonkluda li għalkemm il-complainant kienet ingħatat diversi opportunitajiet, xorta waħda baqgħet m’għamlitx il-qabża ta’ kwalità li kienet meħtieġa min-naħa tagħha biex tegħleb l-ostakli li kienet qed tiffaċċja waqt il-qadi ta’ dmirijietha.  Aktar minn hekk jidher li anke t-tim kien qed isibha diffiċli jiffunzjona kif suppost.  Is-sitwazzjoni kienet waslet f’punt fejn ma setgħux jibqgħu jiġu tollerati dawn il-konflitti.  Għalhekk ir-rapport kien irrakkomanda li l-perjodu ta’ prova jiġi terminat u li l-kuntratt ma jiġġeddidx.

Il-Fondazzjoni informat lill-Ombudsman li minħabba li l-complainant kienet intitolata li tingħata notifika ta’ ġimgħatejn u minħabba li fuq parir legali jidher li l-complainant kellha dritt li ladarba kienet fuq kuntratt li kien ser jiġi terminat waqt il-perjodu ta’ prova, dan il-perjodu kellu jkun bi ħlas.  Il-Fondazzjoni informat lill-complainant permezz ta’ ittra tat-13 ta’ Ġunju 2014 li l-impjieg tagħha kien ser jiġi terminat waqt iż-żmien ta’ prova, “…b’mod kordjali qalulha biex tiġbor ħwejjiġha u titlaq mill-aktar fis[1].  Id-Direttur intebaħ li wara kważi sagħtejn minn meta ngħatat l-ittra l-complainant kienet għadha tinsab fl-uffiċċju u għalhekk ordnalha biex titlaq minnufih.

Ir-reazzjoni tal-complainant

Il-complainant iddikjarat li skont id-Dipartiment tal-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali l-fatt li fil-kuntratt tagħha kellha perjodu ta’ prova ta’ sena kien wieħed illegali, għaliex skont l-Att dwar l-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali l-perjodu ta’ prova ma għandux ikun itwal minn sitt xhur. Hi oġġezzjonat bis-sħiħ għal mod kif l-impjieg tagħha ġie terminat. Il-complainant kienet talbet biex tingħata raġuni għalfejn ġiet mogħtija ittra li permezz tagħha kien qed jiġi terminat l-impjieg tagħha meta m’għamlet xejn ħażin.  Id-Direttur qalilha li ma kienx hemm għalfejn tingħata spjegazzjoni jew raġuni ladarba t-terminu tal-kuntratt tal-impjieg kien qiegħed isir waqt iż-żmien ta’ prova. Fi ftit kliem hu qalilha biex tiġbor ħwejjiġha u titlaq.

Il-complainanat argumentat li dan l-aġir kien trawma għaliha għaliex hi qatt ma kienet ġiet imwiddba la verbalment u lanqas bil-miktub.  Fil-fatt hi irrifjutat l-allegazzjonijiet li kienet issibha diffiċli li tibni relazzjonijiet pożittivi mal-kollegi.  Hi sostniet li qatt ma kellha konflitti matul iż-żmien li fih sar l-ewwel rapport (4 xhur) u ikkontestat punt punt il-kummenti negattivi li saru dwar il-kondotta professjonali tagħha u dwar il-kwalità tal-aġir fir-rigward tal-ħidma tagħha fiż-żewġ rapporti.

Il-complainant baqgħet tinsisti li tingħata provi li ma kinietx qed timxi skont il-proċeduri professjonali. Hi iddikjarat li kellha rispett lejn kull wieħed u waħda mill-kollegi tagħha u li t-Team Leader tagħha dejjem faħħritha għas-sapport li kienet tagħti u għall-komprensjoni li kienet toffri lis-support workers.  Sa fejn taf hi l-aġir tagħha dejjem ġie apprezzat mill-aġenzija.

Aktar sottomissjonijiet

L-Ombudsman irċieva sottomissjonijiet oħrajn kemm min-naħa tal-complainant kif ukoll mill-Fondazzjoni dwar allegazzjoni ta’ ineżattezzi min-naħa tat-tnejn. Fl-istħarriġ tiegħu l-Uffiċċju ħass li ma kienx xieraq li jitlob lill-complainant tikkummenta għal kull punt li semmiet il-Fondazzjoni anke għaliex hi kienet diġà bagħtet il-kummenti tagħha.  Waqt laqgħa li l-complainant kellha mal-Fondazzjoni ġiet informata li bażikament il-Fondazzjoni kienet ser tibqa’ issostni l-verżjoni tal-fatti tagħha.

Kunsiderazzjonijiet u kummenti

Din l-investigazzjoni kienet waħda mtaqqla bil-konflitti u t-tqanqil ta’ emozzjonijiet u l-Ombudsman investa ħafna ħin u enerġija fl-istħarriġ ta’ dan l-ilment.  Hu ikkonkluda din l-investigazzjoni kif ġej:

  1. Il-perjodu ta’ prova fil-kuntratt kien wieħed legalment invalidu. Il-kuntratt definit tal-complainant kien jinkludi fih perjodu ta’ prova għal sena, li kien ifisser li l-perjodu kollu tal-kuntratt ta’ impjieg kien perjodu ta’ prova.  Il-complainant kienet talbet il-parir tad-Dipartiment għall-Impjieg u r-Relazzjonijiet Industrijali u ġiet informata li ladarba s-salarju tagħha ma kienx dak ta’ paga minima jew darbtejn il-paga minima, skont il-liġi l-perjodu ta’ prova ma kellux ikun itwal minn sitt xhur.  Fi kliem ieħor dan ifisser li wara li jiskadu s-sitt xhur il-perjodu ta’ prova kellu jispiċċa u l-complainant tkun intitolata tkompli bil-kuntratt sat-tmiem it-terminu tiegħu, jiġifieri dak ta’ sena. Għaldaqstant il-kundizzjoni ta’ perjodu ta’ prova wara s-sitt xahar bil-liġi kien null u bla effett.  L-Uffiċċju kien ukoll ġie informat li dan kien bi ksur tal-Ftehim Kollettiv applikabbli għall-każ tal-complainant.
  1. Għaldaqstant it-tkeċċija tal-complainant mingħajr ma ngħatat raġuni fil-mument li ġiet notifikata li l-impjieg tagħha kien ser jiġi mitmum ukoll kienet żbaljata skont il-liġi. Il-Fondazzjoni min-naħa tagħha ħadet konjizzjoni ta’ dan l-iżball u irrikonoxxiet li tieħu azzjoni f’dan ir-rigward u temenda l-probation policy tagħha skont kif titlob il-liġi.
  1. X’wassal għall-ittra biex jiġi terminat il-kuntratt ta’ impjieg. Il-Fondazzjoni sostniet li dwar każ separat,  kienet ingħatat parir legali li impjegat kien intitolat li jingħata avviż ta’ ġimgħatejn jekk ikun ser jiġi terminat l-impjieg fiż-żmien li jkun waqt il-perjodu ta’ prova.  Kien proprju għal din ir-raġuni li l-Fondazzjoni iddeċidiet li tinforma lill-complainant fl-aħħar ġurnata ta’ xogħol u tagħtiha l-avviż li l-kuntratt ta’ xogħol tagħha kien ser jiġi terminat ġimgħatejn qabel dan jiskadi.  Il-complainant ġiet informata b’din id-deċiżjoni fl-aħħar ġurnata, kemm bil-fomm kif ukoll permezz ta’ ittra.  Hi intalbet biex tiġbor ħwejjiġha u tmur id-dar. Dan kollu sar f’ħin meta l-kollegi tagħha tal-uffiċċju kienu jinsabu b’xogħol fuq barra.  Id-Direttur insista li kien ħa l-passi kollha neċessarji biex jassigura li l-kollegi tal-uffiċċju tagħha ma jkunux preżenti u jevitalha li timbarazza ruħha aktar milli meħtieġ.  Hu sostna ukoll li kien kellimha b’mod edukat u kalm.
  1. L-Ombudsman innota li irrispettivament mill-mod kif twassal il-messaġġ lill-complainant f’dik il-ġurnata, jibqa’ l-fatt li hi kienet mitluba tiġbor l-affarijiet tagħha u titlaq. Dan l-Uffiċċju ma sabx raġuni valida għaliex l-complainant kellha tiġi trattata proprju b’dan il-mod u tintalab titlaq b’mod daqshekk immedjat bħallikieku kienet wettqet xi reat gravi u kien hemm il-ħtieġa li tittieħed azzjoni mill-aktar fis. Amministrazzjoni tajba titlob li f’tali sitwazzjonijiet, l-impjegata tingħata l-ittra bl-avviż tat-tmiem tal-impjieg, u jekk meħtieġ tiġi informata li dik kienet l-aħħar ġurnata tagħha fuq il-post tax-xogħol.  Tista’ ukoll tingħata parir u mhux tiġi ordnata- li jkun għaqli min-naħa tagħha li tiġbor l-affarijiet tagħha u meta tlesti tmur id-dar bil-kwiet. B’dan il-mod l-interessi tal-Fondazzjoni ma kienux jiġu preġudikati.  Għalkemm dan l-Uffiċċju jħoss li għandu jikkritika l-mod kif l-Fondazzjoni trattat lill-complainant, ma jfissirx li tikkunsidra li b’xi mod l-Fondazzjoni ma aġġixxitx b’intenzjoni tajba.  Madanakollu l-metodu li ġie użat, jista’ jingħad li m’huwiex eżempju tajjeb ta’ aġir xieraq bejn min jimpjega u l-impjegat.
  1. It-tmiem tal-impjieg tal-complainant – Wara li ġie stabbilit li l-kuntratt tal-complainant ma setax jiġi terminat għar-raġuni li kienet għadha waqt il-perjodu tal-prova, irid jiġi dikjarat li fil-fatt il-complainant baqgħet impjegata u tħallset sal-aħħar ġurnata tat-terminu tal-kuntratt definit. Dan il-kuntratt ma kienx jinkludi fih provvedimenti ta’ tiġdid meta jiskadi u l-Fondazzjoni ma kienitx obbligata li iġġeddu anke jekk, skont l-argument tal-complainant, din kienet il-prattika tal-Fondazzjoni.

Il-Fondazzjoni kellha dritt li ma iġġeddidx dan il-kuntratt, speċjalment meta kienet tal-fehma li dan kien fl-aħjar interess tagħha.  Madanakollu, amministrazzjoni tajba titlob li ċ-ċittadin jingħata raġuni għad-deċiżjonijiet meħuda mill-amministrazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu ser jolqtuh ħażin.  Dan il-kunċett fil-fatt huwa stabbilit fid-dritt fundamentali taċ-ċittadini Ewropej li jkollhom amministrazzjoni tajba. Kien fatt li minħabba r-raġuni ta’ probation policy żbaljata li l-Fondazzjoni irrifjutat li tagħti r-raġunijiet tagħha għaliex bil-liġi min jimpjega jista’ ma jagħti ebda raġuni lill-impjegat għaliex kien ser itemmlu l-impjieg waqt li għadu fil-perjodu ta’ prova.  Madanakollu, il-Fondazzjoni wara li l-complainant talbet l-intervent tal-Uffiċċju tal-Ombudsman, tat spjegazzjoni fit-tul dwar ir-raġunijiet li wassluha għad-deċiżjoni li tittermina l-impjieg tal-complainant.

Għalhekk il-fatt jibqa’ li l-Fondazzjoni fl-aħħar mill-aħħar kienet ħallset lill-complainant għas-servizzi tagħha sal-aħħar ġurnata tal-kuntratt definit li kellha.  Anke jekk għall-grazzja tal-argument, l-Ombudsman seta’ kellu xi dubju dwar il-mod kif aġixxiet il-Fondazzjoni fl-aħjar interessi tagħha jew dwar jekk il-complainant kellhiex dritt tħossha li ġiet trattatha ħażin, jibqa’ l-fatt li l-Fondazzjoni kellha dritt sagrosant li lill-complainant ma ġġeddilhiex il-kuntratt tagħha.  L-Ombudsman ma sabx raġunijiet validi li jiġġustifikaw li l-opinjoni Fondazzjoni kienet waħda ta’ amministrazzjoni ħażina.

Konklużjoni u rakkomandazzjoni

A bażi tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq l-Ombudsman ikkonkluda li:

  1. L-impjieg tal-complainant ma setax jiġi terminat mingħajr ma tiġi mogħtija r-raġuni għal din id-deċiżjoni minħabba li kienet tinsab waqt il-perjodu ta’ prova. L-Ombudsman innota li l-Fondazzjoni irrikonoxxiet l-iżball tagħha u ħadet passi biex tibdel il-probation policy u ssir kif titlob il-liġi. Barra minn hekk il-complainant permezz ta’ dan l-Uffiċċju ingħatat ir-raġunijiet għaliex il-kuntratt tagħha ġie terminat.
  2. Dak li ġara lill-complainant fl-uffiċċju tagħha fl-aħħar nofs ta nhar tal-impjieg tagħha ma jistax jitqies bħala prattika u relazzjoni tajba bejn min jimpjega u l-impjegat. Anke jekk l-Ombudsman huwa persważ li dan ma sarx b’intenzjoni ħażina min-naħa tal-amministrazzjoni, xorta waħda huwa konvint li l-complainant setgħet ingħatat l-avviż dwar it-tmiem tal-impjieg tagħha u ġiet offruta li tmur id-dar mill-ewwel u mhux tiġi diretta jew ordnata titlaq minn fuq il-post tax-xogħol.
  3. Huwa fatt li l-complainant ġiet imħallsa sal-aħħar ġurnata tat-terminu tal-kuntratt tagħha ta’ sena.  Anke jekk il-Fondazzjoni kienet normalment iġġedded dawn it-tip ta’ kuntratti ma kellhiex obbligu bil-liġi li tagħmel dan.  Il-fatt jibqa’ li irrispettivament mill-veritá li ż-żewġ naħat stqarrew, irriżulta li  l-verżjonijiet taż-żewġ naħat kienu litteralment  opposti dwar dak li wassal lill-Fondazzjoni biex tittermina l-kuntratt, u għalhekk jibqa’ dak l-element ta’ dubju, u għaldaqstant l-Ombudsman ma setax jiddikjara li d-deċiżjoni tal-Fondazzjoni setgħet titqies bħala waħda li hija amministrattivament ħażina.
  4. Mingħajr preġudizzju għall-konklużjonijiet t’hawn fuq, m’hemmx raġuni għalfejn wieħed għandu jissusspetta li l-argument tal-complainant ma kienx wieħed ġenwin u espressjoni tal-konvinzjoni tagħha. Barra minn hekk f’dan il-każ il-Fondazzjoni bi żball kienet iddikjarat li l-complainant kien ġie terminat il-kuntratt tagħha waqt li kienet fil-perjodu ta’ prova – u dan sar fiż-żewġ dokumenti – jiġifieri fl-ittra ta’ avviż tat-tmiem tal-impjieg kif ukoll fir-rapport mibgħut lill-ETC skont ma titlob il-liġi. Tali dikjarazzjoni kienet tippreġudika lill-complainant meta tiġi biex timpjega ruħha x’imkien ieħor. Ladarba din ir-raġuni kienet legalment invalida, l-Ombudsman irrakkomanda li r-raġuni mogħtija lill-ETC tiġi revokata u mibdula b’waħda li tiddikjara li r-raġuni tat-tmiem tal-impjieg kienet l-iskadenza ta’ kuntratt definit.
  5. L-Ombudsman irrakkomanda ukoll li l-Fondazzjoni tibgħat ittra lill-complainant li fiha tispjega li l-impjieg tagħha kien ġie mitmum minħabba li skada t-terminu tal-kuntratt definit ta’ sena. B’dan il-mod id-dikjarazzjoni jkollha impatt anqas negattiv minn dik oriġinali li l-impjieg ġie terminat waqt il-perjodu ta’ prova.

Sussegwentement l-Ombudsman ġie informat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali li r-rakkomandazzjoni tiegħu ġiet aċċettata u implimentat

[1] Dan il-vers ġie tradott għall-Malti minn dan l-Uffiċċju.

Każijiet fil-qosor