Rakkomandazzjonijiet mhux implimentati : Opinjoni Finali dwar il-proċess ta’ regolarizazzjoni vis-à-vis il-konċessjonijiet tas-CTB li ntbagħtu lill-Kamra tad-Dpeutati.

Skont l-Artikolu 22(4) tal-Att dwar l-Ombudsman, l-Ombudsman is-Sur Anthony C. Mifsud u l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar, il-Perit Alan Saliba, bagħtu lill-Kamra tad-Deputati l-Opinjoni Finali fuq ilment dwar il-validità tal-Kategorija B tal-Konċessjonijiet (CTB) mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Fl-Opinjoni Finali l-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar ikkonkluda illi fl-aħħar paragrafu tal-ewwel parti taċ-Ċirkolari 1/19 maħruġa mill-Awtorità tal-ippjanar hija inġusta, irregolari u tmur kontra l-prinċipji tal-ġustizzja naturali.  Dan għaliex kull applikazzjoni ġdida tiġi verifikata/eżaminata fuq in-natura tad-deskrizzjoni tal-proposta u l-pjanti relattivi u kwalunkwe  konċessjonijiet tas-CTB maħruġa fuq l-istess sit ma jistgħux jerġgħu jiġu assessjati mill-ġdid skont ir-regolamenti kurrenti tal-ippjanar.

Il-Kummissarju irrakkomanda li l-Awtorità tal-Ippjanar għandha tirtira u tikkanċella din il-parti taċ-Ċirkolari b’mod illi applikazzjoni ġdida tista’ titressaq fuq sit li huwa kopert bil-konċessjoni tas-CTB mingħajr il-ħtieġa ta’ sanzjonar, regolarizazzjoni jew tneħħija ta’ xogħlijiet illegali koperti bl-istess konċessjoni tas-CTB, dan sakemm ma jsirx  żvilupp illegali ulterjuri fuq is-sit.

Dan il-każ seta’ jiġi faċilment solvut billi tiġi revokata ċ-Ċirkulari tal-Awtorità tal-Ippjanar in kwistjoni li, li fi kliem sempliċi tfisser li kienet, qed tikkastiga lis-sid darbtejn għall-istess kontravenzjoni.

Għalkemm l-Awtorità tal-Ippjanar qablet mal-Kummissarju li l-applikanti m’għandux ikollhom l-applikazzjonijiet tagħhom imwaqqfa minħabba l- illegalitajiet li kienu koperti bil-konċessjoni tas-CTB, l-Awtorità tal-Ippjanar naqset li timplimenta r-rakkomandazzjoni magħmula mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar f’Mejju 2019. Għaldaqstant f’Jannar 2020, l-Ombudsman u l-Kummissarju ressqu dan il-każ għall-attenzjoni tal-Prim Ministru. Ladarba ma ttieħdet ebda azzjoni, l-Ombudsman u l-Kummissarju bagħatu dan ir-rapport lill-Kamra tad-Deputati.

Opinjoni Finali

Ittra lill-Prim Ministru – Jannar 2020

Ittra lill-iSpeaker tal-Parlament – April 2021

Stqarrijiet