Mhux ġust u ekwu li l-pazjenti ibatu waqt azzjonijiet industrijali

Il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman innota b’sodisfazzjon li ntlaħaq qbil bejn il-UĦM – Voice of the Workers u l-Ministeru għas-Saħħa, dwar kundizzjonijiet ugwali ta’ xogħol għall-impjegati ta’ Stewart Health Care u l-impjegati tal-Gvern, dan kif ġie irrapportat mill-media.  Dan il-qbil jikkonċerna l-impjegati fl-Allied Health Profession.

In-nuqqas ta’ qbil dam għaddej aktar minn ħmistax il-xahar sakemm instabet soluzzjoni u dawn jinkludu xahrejn ta’ Azzjoni Industrijali. Din l-azzjoni affettwat mhux biss l-isptarijiet immexxija minn Steward Healthcare, iżda wkoll l-isptar Mater Dei minn fejn pazjenti li kienu jeħtieġu trattament għar-rijabilitazzjoni ma setgħux jiġu trasferiti għall-isptar ta’ Rijabilitazzjoni f’Karin Grech. Barra minn hekk, il-pazjenti  ma setgħux jiġu trasferiti minn sala għall-oħra.  Dan kien ifisser illi pazjenti fl-Isptar Karin Grech li iddaħħlu fis-sala tal-Admission jew tal-Kwarantina ma setgħux jintbagħtu fis-swali tagħhom proprji.

Għalhekk il-Kummissarju jixtieq jappella lill-Unions – il-unions kollha –  sabiex il-pazjent ma jintużax bħala pedina biex issir pressjoni fuq il-Ministeru.  Mill-banda l-oħra, il-Ministeru għandu jieħu azzjoni immedjata meta xi union tiġbidlu l-attenzjoni dwar problema partikolari.

Mhux ġust u ekwu u lanqas mhuwa sewwa u xieraq li minflok ibatu l-pazjenti.

Artikli
Stqarrijiet