Liema huma dawk l-ilmenti li jistgħu jiġu investigati mill-Ombudsman?

L-Ombudsman jinvestiga lmenti mressqa minn persuni li jallegaw li jkunu ġew miċħuda d-drittijiet ekonomiċi, soċjali jew kulturali tagħhom b’riżultat ta’ malamministrazzjoni li tkun ikkawżata, sew jekk involontarjament jew intenzjonalment, minn użu ħażin jew abbuż ta’ poter u/jew aġir żbaljat, irraġonevoli jew inadegwat minn awtoritajiet pubbliċi.

Eżempji ta’ malamministrazzjoni minn awtoritajiet pubbliċi li jiksru d-dritt taċ-ċittadin għal amministrazzjoni tajba jinkludu:

  • dewmien żejjed u li seta’ jiġi evitat fit-teħid ta’ deċiżjonijiet, fit-tweġibiet għall-korrispondenza mibgħuta u fil-ħarsien tad-drittijiet u l-għoti ta’ dak li għalih hu intitolat iċ-ċittadin;
  • applikazzjoni żbaljata tar-regoli u proċeduri u n-nuqqas ta’ osservanza tal-proċeduri korretti;
  • aġir jew prassi amministrattivi li huma (inkonsistenti mal-mod kif l-awtoritajiet pubbliċi jkunu mxew fil-passat f’każijiet simili;
  • n-nuqqas ta’ aċċess għall-informazzjoni li tkun direttament tinteressa liċ-ċittadin u ċ-ċaħda minn naħa tal-awtorita` li tipprovdi tagħrif raġonevoli;
  • trattament differenti lill-persuni li jinsabu fl-istess sitwazzjoni;
  • nuqqas ta’ kortesija minn uffiċjali pubbliċi;
  • żbalji fl-ipproċessar ta’ materji li jirrigwardaw iċ-ċittadin; applikazzjoni riġida wisq tar-regoli u proċeduri;
  • n-nuqqas ta’ tagħrif lill-individwi rigward id-dritt għall-appell li huma jista’ jkollhom u dwar kif jistgħu jappellaw minn deċiżjoni li tkun affettwathom negattivament;
  • n-nuqqas tal-awtorita` milli tagħmel tajjeb għal xi ħsara li tkun ġiet ikkawżata minnha u li taċċetta proposti ta’ rimedju bħal ma huma apoloġiji, spjegazzjonijiet, u ħlas bħala kumpens fuq bażi ex gratia anke fl-assenza ta’ provvedimenti legali; in-nuqqas mill-awtoritajiet pubbliċi illi jonoraw l-obbligu tagħhom li jagħtu r-raġunijiet għall-azzjonijiet u deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu minnhom lil min ikun milqut b’mod dirett;
  • n-nuqqas ta’ tmexxija ġusta u indipendenti u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ żbilanċ, preġudizzju jew trattament preferenzjali fi kwalunkwe ċirkostanza; u kull allegat ksur tad-drittijiet fundamentali.
Mistoqsijiet