L-Ombudsman Parlamentari jippreżenta r-Rapport Annwali 2019 lill-iSpeaker tal-Kamra

2019 – Sena ta’ stat ta’ inċertezza w ferment. Ħtieġa ta’ riforma b’saħħitha

L-Ombudsman Parlamentari, s-Sur Anthony C. Mifsud, iltaqa’ mal-President tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Angelo Farrugia biex jippreżenta r-Rapport Annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman tal-2019.

Ir-Rapport Annwali jiddeskrivi l-2019, bħala sena ta’ inċertezza w ferment li ġabet magħha tibdil drastiku fis-soċjetà ċivili, l-amministrazzjoni u l-gvern.  Tibdil li ser iħalli impatt fuq il-mod kif jimxi l-pajjiż, fuq il-mod kif huwa amministrat u fuq il-vuċi taċ-ċittadini.  Wieħed jittama li jkun hemm il-miżuri meħtieġa biex  jassiguraw l-istrutturi ta’ iċċekkjar u bilanċi meħtieġa sabiex tiġi assigurata s-saltna tad-dritt u jitrażżan l-abbuż tal-poter.

Il-ġrajjiet li seħħew matul l-2019 u l-fatti serji w inkwetanti li ġew żvelati wasslu biex ikun hemm kunsens ġenerali dwar il-ħtieġa illi jittieħdu miżuri urġenti.  Matul is-snin l-Ombudsman wera t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqasijiet amministrattivi li kienu qed ixekklu l-governanza tajba, in-nuqqas ta’ trasparenza u kontabilitá.  L-Uffiċċju tal-Ombudsman ilu snin iressaq proposti dwar il-ħtieġa li jsiru riformi. Riformi li jeħtieġ li jiffavorixxu u jassiguraw it-trasparenza u l-kontabilitá u  jippromwovu livell għoli ta’ parteċipazzjoni attiva mill-pubbliku.  Riformi li għandhom ibiddlu radikalment l-amministrazzjoni pubblika biex jassiguraw li l-ħidma tkun qed issir esklussivament fl-interess tal-ġid komuni għal kulħadd u mhux favur il-ftit korrotti. Li jiddaħħlu riformi li jkunu biss kożmetiċi jista’ jwassal li jsir aktar deni milli ġid.

Huwa f’dan l-ispirtu illi l-Ombudsman jilqa’ l-Opinjoni dwar il-proposti fit-tibdil leġislattiv approvati mill-Kummissjoni Venezja u l-impenn tal-gvern illi jimplimentahom.  L-Ombudsman ser jagħti l-kontribut tiegħu fid-diskussjoni kontinwa dwar ir-riformi kostituzzjonali u leġislattivi b’mod speċjali f’dawk l-oqsma li jolqtu direttament id-doveri tal-Uffiċċju tal-Ombudsman fil-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini u l-affermazzjoni tad-dritt fundamentali tagħhom għall-amministrazzjoni pubblika tajba.  F’dan ir-rigward huwa ressaq numru ta’ proposti li huma maħsuba biex isaħħu l-qafas kostituzzjonali u leġislattiv tal-istituzzjonijiet li jiggarantixxu trasparenza u kontabilitá.  Dan permezz ta’ mekkaniżmi aħjar u aktar effiċjenti li jassiguraw il-fakultà li jkunu kompletament indipendenti u awtonomi.  L-Ombudsman jenfasizza l-ħtieġa li l-poter eżekuttiv ma jibqax daqstant ċentralizzat u jipproponi li jitwaqqaf Kunsill tal-Istat.

It-total tal-ilmenti li tressqu

Matul l-2019, l-Uffiċċju tal-Ombudsman irċieva 592 ilment li minnhom 336 ġew investigati mill-Ombudsman Parlamentari, 104 ġew investigati mill-Kummissarju għas-Saħħa, 84 każ mill-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar u l-kumplament jiġifieri 68 każ ġew investigati mill-Kummissarju għall-Edukazzjoni.

Wieħed jista’ jikseb kopja tar-Rapport Annwali billi jitniżżel minn hawn jew billi jirrikorri fl-Uffiċċju tal-Ombudsman.

Stqarrijiet
Uncategorized @mt