L-Ombudsman Parlamentari jippreżenta l-pubblikazzjoni ta’ Każijiet fil-Qosor 2018 lill-Parlament

L-Ombudsman Parlamentari, is-Sur Anthony C. Mifsud, ippreżenta l-pubblikazzjoni ta’ Każijiet fil-Qosor 2018 lill-President tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor Anġlu Farrugia.

L-għan ta’ din il-pubblikazzjoni annwali hu li tagħti ħarsa lejn l-investigazzjoni tal-ilmenti li l-Ombudsman u l-Kummissarji jistħarrġu, il-kunsiderazzjonijiet li jagħmlu u li fuqhom tkun ibbażata l-opinjoni finali, kif ukoll lejn ir-rimedji li jiġu rakkomandati. L-edizzjoni ta’ din is-sena, bħas-soltu, tirrapporta l-każijiet li huma ta’ interess ġenerali u li jagħtu ħarsa lejn il-firxa ta’ ilmenti li jiġu investigati minni u mill-Kummissarji.

Fid-daħla ta’ din l-edizzjoni ta’ Każijiet fil-Qosor l-Ombudsman jinnota li “  Numru minn dawn l-opinjonijiet finali intbagħtu lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati wara li l-Ombudsman irċieva tweġiba negattiva mill-awtoritajiet pubbliċi għat-talbiet tiegħu biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet.  Ġie indikat ukoll illi sal-lum ebda wieħed minn dawn il-każijiet li ġew riferuti ma ġew ikkunsidrati b’mod attiv mill-Kamra.  Ma kien hemm assolutament l-ebda reazzjoni.”  L-Ombudsman kompla li “Għaldaqstant wieħed jista’ jasal għall-konklużjoni li din il-proċedura statutorja fl-Att dwar l-Ombudsman, maħsuba sabiex tassigura li jingħata rimedju kontra l-inġustizzja liċ-ċittadini li jintlaqtu ħażin, m’hijiex qed tkun effettiva.  Għalhekk jeħtieġ li tiġi rimedjata.”

Dan it-tħassib tqajjem ukoll mill-Kummissjoni Venezja fl-opinjoni tagħha dwar it-tibdil Kostituzzjonali dwar is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura u l-infurzar tal-liġi. F’dan il-kuntest, l-Ombudsman jilqa’ il-bidu ta’ proċess leġislattiv inizzjat mill-Gvern fil-Parlament dwar il-proposti tal-Kummissjoni Venezja.

Ikklikkja fuq l-istampa biex tniżżel il-Każijiet fil-Qosor 2018

Artikli
Stqarrijiet