L-Ombudsman jippreżenta l-Ombudsplan 2021 lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati

L-Ombudsman Parlamentari, s-Sur Anthony C. Mifsud ippreżenta l-Ombudsplan 2021 lill-President tal-Kamra tad-Deputati l-Onor. Anġlu Farrugia.

L-Ombudsplan għas-sena 2021 jorbot ma’ dak tas-sena l-oħra u jkompli ma’ dak li ntqal fir-Rapport Annwali 2019. Fir-Rapport Annwali, l-Ombudsman kien esprima t-tama li t-taqlib soċjali li seħħ lejn l-aħħar tal-2019 jissarraf fi frott ta’ proġett estensiv ta’ bidla radikali li twassal biex il-pajjiż jakkwista mill-ġdid il-fiduċja, l-kredibilità u l-kredenzjali demokratiċi li kien igawdi qabel, kemm lokalment kif ukoll internazzjonalment.

Fid-daħla għall-Ombudsplan, l-Ombudsman iddeskrieva bħala raġġ ta’ dawl, il-konferma li l-Gvern kien realment intenzjonat li jwettaq din ir-riforma b’mod serju w effettivi r-rakkomandazzjonijiet li għamlet il-Kummissjoni ta’ Venezja għat-titjib u t-tisħiħ tal-istituzzjonijiet kostituzzjonali fdati bit-tmexxija tal-pajjiż kienu qed jiġu aċċettati fil-prinċipju u kienu ser jiġu attwati.

Hu wkoll ta’ sodisfazzjon għall-Ombudsman li f’għeluq il-ħamsa u għoxrin sena mit-twaqqif tal-istituzzjoni, l-Parlament irregala lill-istituzzjoni għarfien kostituzzjonali akbar billi iggarantixxa mhux biss il-kariga tal-Ombudsman iżda wkoll il-funzjonijiet li huwa issa fdat mill-istess Kostituzzjoni li jesegwixxi fid-difiża taċ-ċittadin kontra l-amministrazzjoni ħażina.

Tista’ tniżżel l-Ombudsman 2021 minn hawn 

Media Releases
Uncategorized