L-Ombudsman jippreżenta l-Ombudsplan 2020 lill-iSpeaker tal-Kamra tad-Deputati

L-Ombudsman Parlamentari, s-Sur Anthony C. Mifsud iltaqa’ mal-President tal-Kamra tad-Deputati l-Onor. Anglu Farrugia sabiex jippreżenta l-Ombudsplan 2020. L-Att dwar l-Ombudsman jistabilixxi illi “l-Ombudsman għandu jippreżenta quddiem il-Kamra, mhux iktar tard mill-15 ta’ Settembru ta’ kull sena, Ombudsplan li jkun jindika l-attivitajiet tas-sena li ġejja.

L-Ombudsplan ta’ din is-sena jelenka 25 prinċipju addottati mill-Kummissjoni ta’ Venezja, li jistabilixxu protezzjoni u promozzjoni tal-Istituzzjoni tal-Ombudsman. Dawn il-prinċipji ta’ Venezja jipprovdu fuq kollox riga li biha jista’ jiġi mkejjel jekk l-istituzzjoni tal-Ombudsman fil-pajjiż hiex konformi mal-istandards bażiċi iżda rigorużi meħtieġa u mixtieqa f’soċjetà demokratikament evoluta. Fl-Ombudsplan qed issir ukoll analiżi qasira ta’ kull prinċipju biex jiġi indikat jekk u sa fejn il-qafas kostituzzjonali u legali li jirregola l-istituzzjoni tal-Ombudsman f’Malta jissodisfax dan il-kejl.

Apparti dan l-Ombudsplan 2020 jirrakomanda titjieb fil-qafas leġislattiv biex jassigura li x-xogħol tal-Ombudsman u l-Kummissarji jkun aktar effiċjenti u effettiv.

L-Ombudsplan 2020 jitpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fl-ewwel seduta wara l-ferjat tas-sajf u jiġi diskuss f’seduta tal-Kumitat għall-Affarijiet tal-Kamra aktar ’il quddiem.

Stqarrijiet