L-OMBUDSMAN EWROPEW

Logo European OmbudsmanL-Ombudsman Ewropew huwa uffiċċju indipendenti u imparzjali li jżomm lill-amminstrazzjoni tal-Unjoni Ewropeja kontabbli ta’ għemilha.  L-Ombudsman jinvestiga lmenti rigward malamministrazzjoni li tkun ikkawżata minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni Ewropeja.

Hija l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropeja fil-qadi tal-kapaċita` ġudizzjarja tagħha l-unika organu li ma jaqax taħt il-mandat tal-Ombudsman.  L-Ombudsman jista’ jsib li tkun seħħet malamministrazzjoni kemm-il darba istituzzjoni tonqos milli tħares id-drittijiet fundamentali, regoli jew prinċipji legali, jew saħansitra tmur kontra l-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba.

Xi eżempji ta’ vjolazzjoni tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba jinkludu irregolaritajiet amministrattivi, inġustizzja, diskriminazzjoni, abbuż ta’ poter, nuqqas li tingħata tweġiba, iċ-ċaħda ta’ informazzjoni jew dewmien bla bżonn.  Kull ċittadin, resident tal-Unjoni Ewropeja, negozju, assoċjazzjoni jew organu ieħor li jkollu uffiċċju rreġistrat fl-Unjoni Ewropeja jista’ jressaq l-ilment tiegħu lill-Ombudsman.  Biex wieħed ikun eleġibbli li jilmenta jrid ikun direttament milqut mill-malamministrazzjoni.  Hawn tajjeb li wieħed jinnota li l-Ombudsman Ewropew jista’ jinvestiga biss ilmenti kontra l-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropeja u ma jinvestigax ilmenti mressqa kontra l-amministrazzjoni nazzjonali, reġjonali jew lokali, anke jekk għas-saħħa tal-argument l-ilment innifsu jkun jikkonċerna materji tal-Unjoni Ewropeja.

www.ombudsman.europa.eu

 

Networks