L-Ambjent għandu jimxi ’l quddiem, tal-inqas, bl-istess rata tal-iżvilupp ekonomiku

Opinjoni u rakkomandazzjonijiet tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fuq ir-Rapport dwar l-Istat tal-Ambjent.

Il-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fi ħdan l-Uffiċċju tal-Ombudsman, il-Perit Alan Saliba ippreżenta lill-Kamra tad-Deputati l-opinjoni tiegħu dwar ir-Rapport dwar l-iStat tal-Ambjent 2018. Ir-rapport dwar l-iStat tal-Ambjent huwa ippubblikat mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) kull erba’ snin skont l-Att dwar il-Protezzjoni tal-Ambjent.

Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Kummissarju qal illi l-iżvilupp mgħaġġel li qed nesperjenzaw illum, qiegħed jgħolli l-livell tal-għixien tagħna, u konsegwentement, mill-lat ekonomiku, anke ta’ dawk li ġejjin warajna. Dan għalkemm pożittiv, fejn jidħol l-ambjent, għandu wkoll in-negattiv tiegħu, billi l-ambjent, jew aħjar il-protezzjoni tal-ambjent, ma kibritx bl-istess ritmu tat-tkabbir fl-iżvilupp ekonomiku.

Il-Kummissarju enfasizza li l-ambjent għandu jimxi ’l quddiem, tal-inqas, bl-istess rata tal-iżvilupp ekonomiku. F’dan il-kuntest, il-Kummissarju ippreżenta rakkomandazzjonijiet u proposti għad-diskussjoni.

L-ewwel proposta tikkonċerna l-protezzjoni taż-żoni rurali tagħna, jew aħjar iż-żoni barra mill-iżvilupp (ODZ). M’għadux jagħmel sens li l-Awtorità responsabbli mill-ippjanar tiddeċiedi fuq proposti fl-ODZ. L-ODZ għandhom jiġu protetti u għalhekk l-ERA għandha tieħu dan ir-rwol, ovvjament wara li din tkun attrezzata sew għal din l-eventwalità. Ma jagħmilx sens li dwar proposti ta’ żvilupp f’ODZ l-ERA toġġezzjona u l-Awtorità tal-Ippjanar tapprova.

It-tieni proposta tikkonċerna l-qasam tal-kostruzzjoni, li għaddej b’ritmu mgħaġġel. F’dan il-qasam aktar milli macro-planning tinħass il-ħtieġa li jibda jsir micro-planning. Per eżempju minflok li b’daqqa ta’ pinna tinbidel policy sabiex ngħollu l-għoli tal-bini kollu b’tal-inqas sular ieħor, l-awtoritajiet immisshom jiddiskutu tali policies man-nies u minflok ikun hemm masterplan speċifiku għal kull żona, u jekk hemm bżonn anke f’kull blokka bini bejn erba’ toroq sabiex ikollna bini olistiku li jagħmel użu effiċjenti tal-art, jelimina n-numru kbir ta’ bibien tal-garaxxijiet fit-toroq tagħna filwaqt li jipprovdi bejt imdaqqas f’livell wieħed għall-ġbir tal-enerġija solari.

It-tielet proposta titratta t-trasport. Jekk nagħżlux li naraw il-konġestjoni tat-traffiku sempliċiment bħala problema ambjentali, jew bħala problema nazzjonali aktar wiesgħa li timmina l-produttività u t-tkabbir tal-ekonomija, żgur li għandna naqblu li din il-problema jeħtiġilha soluzzjonijiet aggressivi u innovattivi. Il-Kummissarju issuġġerixxa li hemm bżonn immedjat ta’ sistema ta’ trasport tal-massa.  Forsi xi darba nibdew nagħtu l-ispazju lura lil min irid jimxi, isuq rota jew jipprattika l-isport fit-toroq tagħna filwaqt li jieħu ftit f’arja nadifa u jgawdi l-ambjent.

Il-Kummissarju sostna li hemm ħafna x’jista’ jsir, li mhux possibbli aktar li nkomplu nipposponu. Ir-Rapport dwar l-iStat tal-Ambjent huwa ibbażat fuq informazzjoni miġbura bejn is-snin 2009 u 2015, li fl-opinjoni tal-Kummissarju hija antikwata meta wieħed iqis xi żviluppi seħħew f’dawn l-aħħar tlett snin. Il-Kummissarju ikkonkluda li għandna nxammru l-kmiem u naġixxu mill-aktar fis possibbli qabel ma jkun tard wisq.

L-Opinjoni tal-Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fuq ir-Rapport dwar l-istat tal-Ambjent tista’ titniżżel minn hawnhekk.

 

Artikli
Stqarrijiet
Uncategorized @mt