IN-NETWORK EWROPEW TAL-OMBUDSMAN

European Network of  OmbudsmenL-ombudsmen nazzjonali u reġjonali tal-Unjoni Ewropeja jagħtu kontribuzzjoni siewja ħafna fil-ħarsien tad-drittijiet li ċ-ċittadini u r-residenti jgawdu taħt il-liġijiet tal-Unjoni Ewropeja. L-ombudsmen jitrattaw ilmenti kontra awtoritajiet pubbliċi, nazzjonali, reġjonali u lokali tal-iStati Membri.

In-Network Ewropew tal-Ombudsmen hu kompost minn ‘il fuq minn 99 uffiċċju f’35 pajjiż Ewropew. In-Network jilqa’ fih l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u organi simili kemm tal-iStati Membri tal-Unjoni Ewropeja, tal-pajjiżi kandidati li jkunu jixtiequ jissieħbu fl-Unjoni Ewropeja kif ukoll ta’ ċerti pajjiżi Ewropej. L-Ombudsman Ewropew u l-Kumitat tal-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew ukoll jiffurmaw parti minn dan in-Network. Kull ombudsman u organu simili li jifforma parti minn Network appunta liaison officer sabiex ikun jista’ jservi bħala punt ta’ referenza għal kull membru ieħor fin-Network.

In-Network twaqqaf fl-1996 u minn dakinhar baqa’ jiżviluppa biex illum iservi bħala għodda siewja u b’saħħitha għall-kollaborazzjoni tal-ombudsmen u l-impjegati tiegħu, u mekkaniżmu effettiv għall-kooperazzjoni fit-trattament tal-ilmenti. Hu partikolarment ukoll importanti għall-Ombudsman Ewropew għaliex permezz tiegħu hu jkun jista’ jitratta malajr u bla dewmien żejjed dawk l-ilmenti li ma jaqgħux taħt il-mandat tiegħu. Huwa mezz ukoll ta’ kif il-membri jaqsmu bejniethom l-esperjenzi u l-prattiċi siewja li jkunu kisbu fil-ħidma tagħhom u dan permezz ta’ seminars u laqgħat, newsletter li tiġi ppubblikata regolarment, diskussjonijiet elettroniċi u saħansitra permezz ta’ servizz tal-aħbarijiet elettroniku li jintbagħat kuljum. Il-viżti li jagħmel l-Ombudsman Ewroprew u li jkunu organizzati mill-ombudsmen tal-iStati Membri u l-Pajjiżi Kandidati servew ukoll ta’ siwi kbir fl-iżvilupp tan-Network.

www.ombudsman.europa.eu

Networks