Il-pubblikazzjoni ta’ każijiet fil-qosor 2019 imqiegħda fuq il-mejda tal-kamra

Il-pubblikazzjoni ta’ Każijiet fil-Qosor 2019 ġiet imqiegħda fuq il-mejda tal-Kamra tad-Deputati mill-iSpeaker, l-Onor. Anglu Farrugia.

Il-Każijiet fil-Qosor 2019, hija pubblikazzjoni annwali li tiġi ppubblikata kemm bil-Malti u bl-Ingliż, li fiha tiġbor sommarju ta’ każijiet magħżula li jkunu investigati mill-Ombudsman u l-Kummissarji.  Din il-pubblikazzjoni tipprovdi ħarsa lejn il-varjetà wiesgħa tal-ilmenti li jitressqu quddiem l-Ombudsman minn persuni li jħossu li ġew trattati ħażin u jkunu qed ifittxu rimedju.  Tagħti wkoll informazzjoni dwar it-teknika investigattiva li tiġi adottata u l-isforzi li jsiru sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jiġu konvinti biex jaċċettaw ir-rakkomandazzjonijiet biex jiġu rimedjati  inġustizzji identifikati.

Id-39 edizzjoni tal-publikazzjoni Każijiet fil-Qosor tinkludi fiha ftit eżempji ta’ każijiet li ġew riżolti permezz tal-proċess ta’ medjazzjoni.  Fil-proċess tal-investigazzjoni spiss ikun evidenti li l-ilment ikun jista’ jiġi riżolt permezz ta’ eżerċizzju ta’ medjazzjoni u dan billi jitressqu flimkien il-persuna li tkun ressqet l-ilment u l-awtorità pubblika ikkonċernata.

Il-medjazzjoni titlob paċenzja u perseveranza.  Fi proċess ta’ medjazzjoni s-suċċess jew falliment jiddependi fuq kif jirreaġixxu l-partijiet konċernati u kemm dawn ikunu lesti li jinnegozjaw u jilħqu kompromess.  Kemm l-amministratur pubbliku, kif ukoll min jilmenta jeħtieġ li jirrikonoxxu li l-medjazzjoni titlob li wieħed ikun dispost li jinnegozja billi jirbaħ u jċedi fejn meħtieġ.  L-amministratur pubbliku jeħtieġ li jkun lest li jevita li jieħu pożizzjoni riġida u minflok ikun flessibbli billi juża element ta’ diskrezzjoni amministrattiva.  Mill-banda l-oħra min jilmenta jrid ikun lest li jaċċetta li jingħata soluzzjoni ġusta w ekwa li tagħtih rimedju sostanzjali u realistiku.

Il-pubblikazzjoni Każijiet fil-Qosor 2019 tista’ titniżżel minn hawn.

Artikli
Stqarrijiet
Uncategorized @mt