Il-President iħeġġeġ lill-Kamra tad-Deputati tiddibatti r-riflessjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman b’mod aktar regolari

Tnedija tal-ktieb ‘Serving People and Parliament – The Ombudsman Institution in Malta, 1995 – 2020, editjat mill-Prof Edward Warrington fl-okkażjoni tal-25 Anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman

Il-President ta’ Malta George Vella qal li għalkemm ċert li d-deputati parlamentari individwali jixtarru dak li jkun hemm fir-rapport annwali tal-Ombudsman, ikun tajjeb jekk il-Kamra tad-Deputati tiddibatti r-riflessjonijiet u s-suġġerimenti tal-Ombudsman b’mod aktar regolari kif, wara kollox, jitlob l-Artikolu 29(1) tal-Att dwar l-Ombudsman u kif anke ġie ssuġġerit mill-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa fl-aħħar Rapport tagħha.
 
Il-President kien qed jitkellem waqt attività li saret fil-Palazz ta’ Sant’Anton biex jiġi varat il-ktieb Serving People and Parliament: The Ombudsman Institution in Malta, 1995-2020, editjat mill-Prof Edward Warrington fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mit-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Ombudsman. Filwaqt li rrimarka li l-esperjenza tal-iżvilupp tal-Uffiċċju tal-Ombudsman toffri tagħlimiet u preċedenti importanti li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fit-tfassil ta’ bidliet kostituzzjonali oħrajn, identifika tliet prinċipji li jispikkaw b’mod partikulari: il-prinċipju tal-gradwalità; il-prinċipju tal-ekwilibriju tas-setgħat maħsub bir-reqqa; u l-prinċipju li għandu jinbena kunsens, fil-Parlament u lil hinn minnu, dwar il-missjoni u t-tifsila ta’ kull istituzzjoni. Huwa qal li l-mudell tal-Ombudsman irnexxa u li l-fiduċja għolja li jgawdi fost in-nies u d-deputati parlamentari ispirat riformi istituzzjonali oħrajn ta’ din ix-xorta, fosthom l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika fl-1997 u l-Kummissarju dwar Standards fil-Ħajja Pubblika fl-2018.
 
Il-President osserva li l-25 anniversarju tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jaħbat ma’ żmien ta’ tiġdid kostituzzjonali mingħajr preċedent fl-istorja ta’ pajjiżna: “Għall-ewwel darba, wara li snin ilu beda jiġi diskuss il-bżonn ta’ riforma fil-Kostituzzjoni tagħna mill-Presidenti ta’ qabli, jien għamilt konsultazzjoni pubblika wiesgħa dwar x’riformi kostituzzjonali ċ-ċittadini jridu jaraw fil-Kostituzzjoni tagħna. Dan l-eżercizzju ngħalaq u se jservi bħala bażi għad-diskussjonijiet li mistennija jkollna fil-Konvenzjoni Kostituzzjonali, li tibda taħdem meta tippermettilna l-pandemija.” 
 
Fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet dwar il-Kostituzzjoni, huwa rrefera għar-Rapport li ħarġet f’Ottubru li għadda l-Kummissjoni ta’ Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, li jagħti importanza kbira lill-Uffiċċju tal-Ombudsman. B’mod iktar ġenerali, huwa ħeġġeġ lil dawk kollha involuti u interessati biex dan ir-Rapport jiġi dibattut b’mod kalm u kwiet sabiex jiġi deċiż bħala pajjiż x’għandna nadottaw minnu aktar minn dak li diġà ġie adottat, dejjem fil-parametri taċ-ċirkostanzi politiċi, legali, u kostituzzjonali.
 
Filwaqt li nnota li rapporti uffiċjali jgħidu li ftit li xejn huma l-każijiet ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-entitajiet li huma soġġetti għall-ġuriżdizzjoni tiegħu, il-President tenna s-sejħa li għamel riċentement meta żar lil dan l-Uffiċċju: li r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman, fejn huwa possibbli, għandhom jintlaqgħu u jitwettqu. Matul dawn l-aħħar 25 sena, l-Ombudsman stħarreġ l-ilmenti ta’ għexieren ta’ eluf ta’ nies u ssejjaħ ‘tarka għaċ-ċittadin’, ‘il-kuxjenza tal-amministrazzjoni pubblika’, u ‘għassies tal-istat tad-Dritt’. Huwa ġibed l-attenzjoni għall-fatt li f’pajjiżna llum jgħixu wkoll għexieren ta’ eluf ta’ nies li mhumiex ċittadini Maltin. Għalkemm dawn ukoll igawdu d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ggarantiti mill-Kostituzzjoni, proporzjon mhux żgħir minnhom ibatu minn emarġinazzjoni soċjali u kulturali u, kultant, minn sfruttament ekonomiku. F’dan il-kuntest, saħaq li l-Ombudsman għandu jkun it-tarka tagħhom ukoll.
 
Il-President sellem lil kull min qeda d-dmirijiet ta’ Ombudsman jew ta’ Kummissarju fi ħdan l-Uffiċċju tiegħu, u faħħarhom għall-mod dinjituż li bih qdew jew qegħdin jaqdu l-missjoni fdata f’idejhom mill-Parlament. Radd ħajr ukoll lil kull min jaħdem jew kien jaħdem fl-Uffiċċju tal-Ombudsman, kif ukoll lill-editur u lil dawk kollha li kienu involuti fil-pubblikazzjoni Serving People and Parliament: The Ombudsman Institution in Malta, 1995-2020, pubblikazzjoni li rrakkomandaha lil kull min għandu għal qalbu t-tmexxija xierqa ta’ pajjiżna. 
 
Is-serata ġiet indirizzata wkoll mill-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud, u mill-editur tal-ktieb, il-Prof. Edward Warrington.
 
Aqra’ d-diskors tal-Ombudsman, is-Sur Anthony C. Mifsud hawn
 
Aqra’ d-diskors tal-Prof Edward Warrington, editur tal-ktieb hawn
 
 
Artikli
Stqarrijiet
Uncategorized @mt