Il-mandat tal-Ombudsman

Il-mandat tal-Ombudsman huwa li jinvestiga kull azzjoni li tkun ittieħed minn jew għan-nom ta’ :

  • kull dipartiment tal-gvern jew awtorità oħra tal-Gvern, ta’ xi Ministru jew Segretarju Parlamentari u ta’ kull uffiċjal pubbliku ieħor;
  • kull korp statutorju u/jew sħubija jew entita` oħra fejn il-gvern għandu kontroll effettiv u dan jinkludi kull direttur, membru, manager u uffiċjali oħra fi ħdan tali organizzazzjoni;
  •  kunsilli lokali u kull kumitat tagħhom; sindki, kunsilliera u impjegati; u
  • kull korp jew entita` oħra li huma bil-liġi suġġetti għall-ġurisdizzjoni tiegħu.

L-Ombudsman għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew dwar ilment imressaq bil-miktub minn persuna li tħoss li sofriet inġustizzja u li għandha interess dirett fil-każ.  L-Ombudsman huwa awtonomu u ma jifformax parti il-Gvern.  Fil-fatt huwa jaqa’ taħt il-kappa tal-Parlament u bħal Parlament jara li l-Gvern ikun responsabbli għall-azzjonijiet tiegħu lejn il-poplu.

Meta l-investigazzjoni tal-Ombudsman tasal għall-konklużjoni li min ressaq l-ilment għandu raġun, l-Ombudsman jista’ jirrakkomanda li din il-persuna tingħata rimedju xieraq.