Huwa inuman li pazjenti jintużaw bħala arma waqt azzjonijiet industrijali

Kif kellu l-okkażjoni li jirrapporta riċentement, il-Kummissarju għas-Saħħa fl-Uffiċċju tal-Ombudsman Parlamentari, jixtieq juri l-preokkupazzjoni tiegħu li l-Unions jippersistu li jużaw il-pazjenti bħala arma sabiex jippressaw lill-awtoritajiet sabiex jilqgħu t-talbiet tagħhom.  Din hija ħaġa inumana.

Fil-mument Union ħarġet direttivi lill-membri tagħha f’San Vinċenz de Paul, biex ma jaħslux u ma jqandlux lir-residenti.  

Union oħra tat direttivi li jillimitaw in-numru ta’ pazjenti tal-kanċer li jidħlu f’Sir Anthony Mamo Oncology Clinic.  Minħabba f’hekk il-pazjenti qed jintbagħatu fis-swali ġenerali tal-Isptar Mater Dei fejn jista’ jkun hemm nuqqas ta’ speċjalizzazzjoni f’dan il-qasam.

Fil-każ ta’ San Vinċenz de Paul, ma nistax nifhem kif ir-residenti, li ħafna minnhom huma inkontinenti, ma jiġux maħsula għall-ġranet sħaħ.  Dan mhux biss iwassal li jiżviluppaw feriti peress li m’humiex jitniżżlu mis-sodda, imma wkoll li jkollhom inkonvenjenzi kbar u nuqqas ta’ dinjità.

F’dan ir-rigward, il-Qrati, f’każijiet simili, ukoll laqgħu Mandat ta’ Inibizzjoni għaliex id-direttivi jmorru kontra l-interess tal-pazjenti, anzi jistgħu jpoġġu f’periklu is-saħħa tal-pazjenti.

Minkejja dawn id-direttivi l-Ministeri konċernati ma tantx jidhru li huma preokkupati għaliex għaddew xhur minn mindu bdew id-diskussjonijiet.

Għaldaqstant, il-Kummissarju jappella liż-żewġ Unions biex jissospendu immedjatament id-direttivi li qed jaffettwaw lill-pazjenti u mhux lill-amministrazzjoni.

Min-naħa tagħhom il-Ministeri għandhom ukoll immedjatament jieħdu passi sabiex tiġi solvuta din is-sitwazzjoni.

Stqarrijiet