Elementi ta’ diskriminazzjoni improprja

L-ilment

Uffiċjal għoli tal-pulizija (il-complainant) oġġezzjona għad-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija li ma jawtorizzax li ismu u l-grad tiegħu  jitnaqqxu fuq plakka kommemorattiva fid-depot tal-pulizija.  Il-complainant ħassu li ġie trattat ħażin meta hu kien dejjem wettaq id-dmirijiet tiegħu b’responsabbiltà, b’mod onorabbli u b’kompetenza.  Hu sostna li d-deċiżjoni għaġġelija tal-Kummissarju li ma jawtorizzax li ismu jitnaqqax fuq din il-plakka kienet waħda motivata minn pika personali u  xniegħat li ma kienux jagħmlu ġieħ lill-korp tal-pulizija.  Hu allega ukoll li kien vittma ta’ diskriminazzjoni improprja.

It-tweġiba tal-Kummissarju

L-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Pulizija oġġezzjona bil-qawwa għal dawn l-allegazzjonijiet u sostna li d-deċiżjoni tal-Kummissarju kienet imsejjsa fuq il-kuntest, it-tradizzjoni, fuq dak li ġara storikament qabel u b’lealtà lejn dak li normalment jiġi reġistrat fuq plakki simili.  Il-Kummissarju enfasizza li ma kienx hemm dubju li l-complainant qatt ma okkupa l-pożizzjoni li kienet kieku tintitolah li ismu jitnaqqax fuq il-plakka.

L-investigazzjoni

Dan l-Uffiċċju investiga l-ilment fid-dettal u eżamina d-dokumentazzjoni mogħtija mill-Kummissarju tal-Pulizija.  Din id-dokumentazzjoni kienet tinkludi riċerka li saret minn esperti fl-istorja tal-Korp tal-Pulizija. Ir-riċerka kienet waħda korretta u ta’ min joqgħod fuqha. L-Ombudsman ikkonkluda li d-deċiżjoni tal-Kummissarju kellha bażi soda u li l-ilment ma kienx ġustifikat għaliex il-Kummissarju kien segwa l-linji gwida li ntużaw fil-passat.

L-Ombudsman eżamina ukoll l-allegazzjoni li l-Kummissarju tal-Pulizija kien qed jiddiskrimina b’mod improprju, minħabba motivazzjoni ta’ pika u manuvri personali u li dan kien jammonta f’aġir ta’ amministrazzjoni ħażina.

L-Ombudsman għamel is-segwenti osservazzjonijiet importanti dwar l-element ta’ diskriminazzjoni improprja –

  1. Ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni improprja li tirriżulta minn azzjoni ta’ amministrazzjoni ħażina jekk id-deċiżjoni li biha l-complainant ħassu li ġie trattat ħażin ittieħdet b’mod oġġettiv, kienet raġonevoli u l-motiv warajha kien wieħed tajjeb. Ġie stabbilit li l-plakka kommemorattiva kienet intużat u qed tintuża skont prattiċi kostanti li ma nbidlux. Għalhekk wieħed seta’ jikkonkludi li d-deċiżjoni kienet oġġettivament korretta.  Ma nstabet ebda prova li d-deċiżjoni ittieħdet bil-għan li l-complainant jiġi trattat ħażin jew minħabba preġudizzju jew għal motivazzjoni personali ulterjuri.
  1. Id-deċiżjoni tal-Kummissarju kienet waħda ġusta u r-raġunijiet warajha kienu oġġettivament validi u dan mingħajr ebda dubju.
  1. Meta deċiżjoni tiġi eżaminata biex jiġi stabbilit jekk hijiex improprjament diskriminatorja, wieħed irid jaċċerta ruħu li hija raġonevoli. Jeħtieġ  li ssir analiżi jekk il-complainant kienx ġie preġudikat minħabba dik id-deċiżjoni amministrattiva. Il-fatti ta’ dan il-każ ma kienux tali li jissostanzjaw l-eżami li dan l-aġir kien irraġonevoli.  Lanqas ma irriżulta li d-deċiżjoni kienet motivata minn kunsiderazzjonijiet irrelevanti jew għal xi raġuni ulterjuri. Kienet deċiżjoni li ttieħdet minn awtoritajiet kompetenti li  eżerċitaw b’mod korrett id-diskrezzjoni tagħhom sabiex jiġi determinat jekk l-isem tal-uffiċjal kellux jitnaqqax fuq il-plakka kommemorattiva li fl-aħħar mill-aħħar kienet tirreġistra biss fatti storikament korretti.

Konklużjoni

L-Ombudsman għaldaqstant ikkonkluda li d-deċiżjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija ma setgħetx titqies bħala att ta’ amministrazzjoni ħażina jew diskriminazzjoni improprja. L-ilment ma setax jiġi sostanzjat.

Każijiet fil-qosor