Azzjoni dixxiplinarja ħarxa u diskriminatorja

L-ilment

Uffiċjal professjonali impjegat ma’ taqsima tal-Korporazzjoni Enemalta (li llum qed tissejjaħ Engineering Resources Limited) ilmenta li kien ġie iddiskriminat għaliex deherlu li l-passi dixxiplinarji li ħa l-management fil-konfront tiegħu kienu wisq severi. Il-complainant kien ġie trasferit f’taqsima oħra meta fl-opinjoni tiegħu kien ikun biżżejjed li kieku ngħata twissija verbali jew weħel multa.  Dan speċjalment meta wieħed jikkunsidra li din kienet l-ewwel darba li kien instab ħati ta’ żball minn meta kien impjegat mal-Korporazzjoni.  Il-complainant ħass li ġie trattat ħażin meta l-Korporazzjoni naqset milli tirrispetta ż-żmien stipulat fil-Ftehim Kollettiv li fih wieħed jista’ jiddefendi ruħu u jagħti spjegazzjoni għall-aġir tiegħu.  Hu insista ukoll li l-azzjoni li ttieħdet fil-konfront tiegħu kienet waħda diskriminatorja minħabba li impjegati oħra li nstabu li wettqu abbuż aktar gravi, ma kienux ġew ikkastigati bl-istess mod iżda kienu biss ingħataw twiddiba.

Għaldaqstant il-complainant talab li:

  1. jerġa’ jintbagħat lura fejn kien jaħdem qabel it-transfer;
  2. jingħata kumpens għall-ħlasijiet li tilef minħabba li, bit-transfer li ngħata, tilef ix-shift allowances u s-sahra, u dan seta’ kien motivat politikament; u
  3. jingħata kumpens talli ngħata transfer b’mod inġust għal żball żgħir li kien wettaq.

In-nuqqas li wettaq

Il-complainant ammetta li meta kien qiegħed jaħdem mid-dar kien bagħat email tax-xogħol, li kienet korrispondenza interna, f’indirizz ta’ email ta’ ħabib tiegħu.  Dik l-email, li kellha fiha informazzjoni relatata ma’ prattiċi ta’ xogħol tal-Korporazzjoni spiċċat fuq blog ta’ ġurnalista, u dan allegatament mingħajr ma kien jaf il-complainant.  Il-Korporazzjoni ikkunsidrat il-fatt li din l-azzjoni kienet tikser il-Ftehim Kollettiv u kienet ukoll reat serju għaliex kienet tikxef tagħrif dwar il-Korporazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni.  Il-Korporazzjoni oġġezzjonat bil-qawwa għad-dikjarazzjoni tiegħu li kien ġie iddiskriminat b’mod improprju u li ma kienx ingħata smigħ xieraq.

L-investigazzjoni

Mill-istħarriġ li wettaq dan l-Uffiċċju irriżulta li l-Enemalta kellha provi konkreti mir-records tal-IT li dik l-email kienet oriġinat mill-email account tal-complainant.  Meta l-complainant kien ġie iffaċċjat b’din il-prova u ingħata żmien biżżejjed biex ikun jista’ jiddefendi ruħu, ammetta l-ħtija tiegħu u skuża ruħu talli kien bagħat email interna lil xi ħadd barra mill-korporazzjoni.  Hu insista li kien bagħat l-email lill-ħabib tiegħu u mhux lill-media.  Il-complainant sostna, li għalkemm dik l-azzjoni kienet żbaljata u kellha tiġi ikkundannata, l-kastig li ngħata hu, jiġifieri dak ta’ transfer, kien wieħed li kien aħrax wisq.

Kunsiderazzjonijiet

L-Ombudsman ikkunsidra li ma kienx hemm dubju dwar il-ħtija tal-complainant.  Hu ammetta mill-ewwel wara li ngħata l-opportunità li jiddefendi ruħu.  Fiċ-ċirkostanzi ma kienx hemm il-ħtieġa li l-complainant jiġi riferut għall-Bord Dixxiplinarju minħabba li l-merti tal-inċident u r-responsabbiltà tal-complainant kienu diġà ġew stabbiliti.  L-Ombudsman innota li l-Korporazzjoni kienet korretta meta saħqet li, li tintbagħat email interna barra mill-Korporazzjoni kien ksur serju tal-Ftehim Kollettiv li jipprovdi li l-uffiċjali kollha, irrispettivament mill-grad tagħhom, huma mistennija li jkunu leali lejn il-Korporazzjoni.  L-impjegati fl-ebda ħin, kemm waqt li huma impjegati u anke meta jispiċċaw mill-impjieg tagħhom mal-Korporazzjoni, ma jistgħu jiżvelaw tagħrif li għandu x’jaqsam mal-Korporazzjoni ħlief fit-twettiq tal-ħidma tagħhom.  Il-gravità ta’ dan il-ksur ta’ dawn ir-regoli bażiċi huwa enfasizzat fl-Artiklu 11.3.2 tal-Ftehim li jgħid li “L-uffiċjal li ma josservax ir-regoli ta’ kunfidenzjalità huwa soġġett għal passi dixxiplinarji li jistgħu jinkludu t-tkeċċija mix-xogħol u/jew jiġi mħarrek bil-liġi[1].

Sussegwentement, ladarba l-complainant kien stqarr li kien hu li żvela l-informazzjoni mingħajr awtorizzazzjoni, l-Ombudsman ma kienx f’qagħda li jikkritika d-deċiżjoni tal-management li jingħata transfer għall-post ieħor.  It-transfer ma setax jiġi ikkunsidrat bħala wieħed punittiv jew vendikattiv.  L-Ombudsman ma setax jikkritika lill-management li kien obbligat li jassigura li inċidenti bħal dawn ma jseħħux u għaldaqstant kien meħtieġ li jieħdu ħsieb li jirrimedjaw is-sitwazzjoni mill-aktar fis.  Il-kariga li kien jokkupa l-complainant kienet waħda ta’ responsabbiltà, li kienet iġorr magħha elementi ta’ fiduċja u ta’ min joqgħod fuqu.  Aktar ma impjegat ikollu pożizzjoni għolja, aktar ikun mistenni li jkun hemm livell ta’ fiduċja u li wieħed jista’ jorbot fuq il-persuna b’dik il-kariga.

Il-complainant allega li kien vittma ta’ diskriminazzjoni politika, anke jekk ma ġab l-ebda prova biex jissostanzja din l-allegazzjoni. Madanakollu, l-Ombudsman kien għamilha ċara li l-Uffiċċju tiegħu ma setax jinvestiga dan it-tip ta’ allegazzjonijiet u jekk il-complainant huwa konvint li dan it-transfer seta’ kien motivat politikament, kellu jressaq din il-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti.

L-Ombudsman lanqas ma seta’ iwettaq eżerċizzju komparattiv dwar il-kastigi li ingħataw lill-impjegati l-oħra għal nuqqasijiet differenti.  Il-gravità tan-nuqqas imwettaq u l-kastig li jingħata lil min wettqu kien jaqa’ fid-diskrezzjoni tal-Korporazzjoni bħala l-entità li timpjega.  L-Ombudsman ma jindaħalx fl-eżerċizzju tad-diskrezzjoni ladarba ħareġ ċar li l-kastig mogħti lill-complainant kien wieħed moderat meta wieħed iqis li dan ir-reat skont il-Ftehim Kollettiv kellu piena massima ta’ tkeċċija mill-impjieg.

L-Ombudsman iddikjara li l-complainant ma kienx sostna l-ilment tiegħu u għaldaqstant ma setax ikompli jinvestigah.

 

[1] Din it-traduzzjoni tal-Artiklu saret minn dan l-Uffiċċju.

Każijiet fil-qosor