Kummissarju għall-Ambjent u Ippjanar

Perit Alan Saliba, Kummissarju għall-Ambjent u Ippjanar (2017 – )

 

Il-Perit Alan Saliba twieled il-Pietà fit-8 ta’ Novembru 1970.  Hu studja fil-Junior Lyceum, il-Junior College u fl-Università ta’ Malta fejn fl-1993 kiseb grad ta’ Baċellerat fl-Inġinerija u l-Arkitettura (Honours) u s-sena ta’ wara kiseb ukoll il-warrant sabiex jipprattika l-professjoni tiegħu bħala Perit.

Matul is-snin, il-Perit Saliba kompla bl-iżvilupp tal-professjoni tiegħu u speċjalizza fil-Valuations for Accredited Valuers, Ethical Obligations of Arbitrators u Kitba ta’ Rapporti dwar l-impatt tal-Att X tal-Liġijiet tal-Kiri fuq il-Valutazzjonijiet.

Il-Perit Saliba beda l-karriera tiegħu fis-settur pubbliku meta kien involut fil-proġetti tal-akkomodazzjoni soċjali tal-Awtorità tad-Djar.  Aktar ‘l quddiem waqqaf il-prattika privata tiegħu u kien involut fi proġetti varji kemm kummerċjali kif ukoll residenzjali.  Il-ħidma f’dawn il-proġetti kienet tinkludi t-tfassil tad-disinn, it-twaqqiegħ ta’ bini u s-superviżjoni tal-kostruzzjoni.  Matul il-karriera tiegħu wettaq ukoll diversi valutazzjonijiet kummerċjali u residenzjali ma’ wieħed mill-banek ewlenin f’Malta.  Barra minn hekk kien ukoll il-Project Architect f’diversi proġetti rikreattivi u faċilitajiet fil-komunità.

Fl-1995 il-Perit Saliba nħatar bħala Espert tal-Qorti li jittratta litigazzjoni dwar bini u valutazzjonijiet.  Mill-2004 sa llum, kien ukoll Arbitru fi ħdan iċ-Ċentru dwar l-Arbitraġġ ta’ Malta dwar litigazzjoni ta’ Bini.  Bejn l-2006 u l-2013 serva ukoll fuq il-General Service Board u fuq il-Board of Professional Conduct fi ħdan il-Kamra tal-Periti.  Mill-2011 il-Perit Saliba huwa wkoll Membru Tekniku fuq il-Bord tal-Arbitraġġ dwar l-Art, il-Bord għar-Regolamentazzjoni tal-Kera u l-Bord dwar il-Kontroll ta’ Kiri ta’ Raba’.

Il-Perit Saliba ġie maħtur Kummissarju għall-Ambjent u l-Ippjanar fl-1 ta’ Settembru 2017.

Kuntatt       Email: cep@ombudsman.org.mt
Tel: +356 2248 3219