Joseph Said Pullicino

Parliamentary OmbudsmanIl-Prim Imħallef Emeritu Dr Joseph Said Pullicino, Ombudsman Parlamentari (2005 – 2016 )

L-Onorevoli Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino twieled f’Tas-Sliema fis-16 ta’ Jannar 1937.  Huwa studja fil-Liċeo u fl-Universita` ta’ Malta fejn fl-1958 iggradwa b’Baċellerat (Hons) fl-Istorja u fl-1961 b’Dottorat fil-Liġi.  Huwa prattika fil-privat bħala Avukat fl-oqsma tal-liġi ċivili u kummerċjali.  Huwa kien attiv fuq diversi kumitati governattivi mwaqqfa sabiex jagħtu parir fuq ir-riforma tal-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-immaniġġjar tal-Qorti.

Il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino kien appuntat Kummissarju tal-Ġustizzja u aktar tard Chairmanta’ waħda mill-Kummissjonijiet għall-Investigazzjoni tal-Inġustizzji, kariga li huwa okkupa għal diversi snin anke wara li nħatar Imħallef fl-1990.  Huwa qeda l-funzjoni tiegħu ta’ Imħallef l-aktar fil-Qorti Ċivili fejn kien jippresjedi fuq kawżi kostituzzjonali li kienu jinvolvu d-drittijiet tal-bniedem.  F’ Lulju tal-1995 ħa l-ġurament bħala Prim Imħallef u f’din il-kariga ippresjeda fil-Qorti Kostituzzjonali, fil-Qorti tal-Appell, fil-Qorti tal-Appell Kriminali u Qrati oħra.

Għal tmien snin kien ir-rappreżentant ta’ Malta fuq il-Venice Commission for Democracy through law tal-Kunsill tal-Ewropa.  Bħala Prim Imħallef kien ukoll ex officio Viċi President tal-Kunsill dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja.

Wara li rtira f’Jannar tal-2002, f’April tal-istess sena nħatar Chairman tal-Awtorita` tax-Xandir u dam f’din il-kariga sa Diċembru 2005.  Fit-12 ta’ Diċembru 2005 il-Kamra tad-Deputati ħatritu b’vot unanimu bħala Kummissarju Parlamentari għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi magħruf bħala l-Ombudsman.  Fil-11 ta’ Marzu tal-2011, għal darba oħra b’vot unanimu, ġie konfermat it-tieni mandat tiegħu bħala Ombudsman.

Il-Prim Imħallef Emeritus Joseph Said Pullicino huwa miżżewweġ lil Geraldine nee Micallef u għandu tifla waħda, Lara.