Talba għall-ħlas ta’ spejjeż imħallsa għall-kura barra minn Malta

Treatment Abroad

Każ investigat mill-Kummissarju tas-Saħħa

L-ilment

Pazjent li nstab li qiegħed ibati minn tumur rari fil-moħħ talab l-għajnuna tal-Ombudsman biex jitħallas tal-ispejjeż li kien għamel meta mar biex jingħata kura barra minn Malta.  Il-familja tal-pazjent kienet ġiet informata li lokalment ma setax jingħata kura effettiva u li lanqas setgħet issirlu operazzjoni.  L-awtoritajiet tas-saħħa talbu parir mingħand kirurgi fi sptarijiet speċjalizzati ġewwa Londra u dawn kienu tal-istess fehma.

Il-pazjent u l-familja tiegħu ma setgħux jaċċettaw din is-‘sentenza ta’ mewt’ u bdew ifittxu u jagħmlu riċerki biex jaraw jekk jeżistux għażliet alternattivi barra minn xtutna.  Irnexxielhom jidentifikaw sptar fil-Ġermanja li kien jittratta b’suċċess każijiet simili. Eventwalment, il-pazjent u l-familja tiegħu telgħu l-Ġermanja minn buthom u ħallsu għall-operazzjoni.

Il-persuna li ressqet l-ilment insistiet li għalkemm tifhem li ċertu trattament speċjalizzat ma jistax ikun disponibbli f’Malta, madanakollu  għandu  jkun hemm sistemi li f’ċertu ċirkostanzi il-pazjenti jkunu jistgħu jingħataw assistenza. Hu jsostni li  wieħed mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem huwa d-dritt għall-ħajja.  Sussegwentement talab lid-Dipartiment tas-Saħħa biex iħallsu tal-ispejjeż li ħareġ biex jingħata l-kura.  It-talba tiegħu ġiet miċħuda  u għalhekk ressaq ilment lill-Ombudsman.  L-Ombudsman aċċetta li jinvestiga l-kwistjoni u irrefera l-każ lill-Kummissarju għas-Saħħa.

Il-fatti

Il-Kummissarju mill-ewwel talab il-kummenti tal-awtoritajiet tas-Saħħa dwar dan il-każ.  Wara diversi skambji ta’ korrispondenza dwar dan l-ilment id-Dipartiment informa lill-Kummissarju li kien ġie deċiż li minħabba li l-kura kienet ingħatat f’istituzzjoni privata, d-dipartiment kien ser jirrifondi l-ammont li trattament simili jiswa fis-settur pubbliku.

Il-pazjent kien iddiżappuntat bl-ammont li kien lest li jħallsu d-Dipartiment tas-Saħħa, għaliex dan kien ferm anqas mis-somma li kien ħallas hu.  Fil-fatt l-ammont ta’ rifużjoni kien ilaħħaq biss l-14% tal-ispejjeż li l-familja ħallset għall-kura. Il-familja tal-pazjent ilmentat mal-Kummissarju li fiċ-ċirkostanzi tagħhom ma kellhomx alternattiva għajr li jirrikorru għall-kura barra minn Malta u din kienet  l-unika raġġ ta’ tama li kien fadlilhom.

Il-Kummissarju talab lis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għas-Saħħa sabiex jikkummenta dwar dan il-każ u biex jiċċaralu diversi punti.  Il-Kummissarju tenna li ladarba l-awtoritajiet tas-saħħa kienu iddeċidew li ma kien ser isir ebda intervent min-naħa tagħhom, u l-pazjent kien ingħata biss ftit ġimgħat ħajja, il-pazjent ma jistax jingħata tort li għamel ħiltu biex isib kura alternattiva barra minn Malta u fil-fatt irnexxielu jsib.  Il-Kummissarju spjega ukoll li ladarba d-dipartiment kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq il-parir li ngħata mill-Ingilterra u fuq il-fatta li l-ħlas għat-trattament mill-Gvern ma kienx ġie approvat la mit-Treatment Abroad Advisory Committee u lanqas mill-EU Cross Border Directive il-pazjent ma kellu ebda triq oħra milli jfittex kura fis-settur privat.

Il-Kummissarju irrapporta li skont il-familja tal-pazjent, il-kundizzjoni ta’ din il-persuna kienet tjiebet b’mod konsiderevoli.  Għaldaqstant issuġġerixxa lid-dipartiment li jitlob lill-konsulenti lokali li jagħmlulu rapport dwar il-kundizzjoni tal-pazjent u jikkomparaw l-istat tiegħu kif kien qabel u ma kif ġie issa wara l-operazzjoni.  B’dan il-mod id-dipartiment ikun ivverifika l-progress li għamel il-pazjent.

Is-Segretarju Permanenti wieġeb billi ta spjega kif kienu waslu għall-ammont li d-dipartiment ta lill-pazjent. Hu qal li dak l-ammont kien ekwivalenti għall-ħlas li tali proċedura kirurġika tiswa lill-Gvern  meta din issir fin-National Health System tal-Ingilterra fi ħdan l-istrutturi tal-Ftehim Bilaterali bejn iż-żewġ pajjiżi.  Għalhekk l-awtoritajiet tas-saħħa baqgħu jinsistu li l-ammont li irrifondew lil dan il-pazjent kien korrett.

Aktar investigazzjoni

Il-Kummissarju ressaq din il-kwistjoni quddiem ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta (ECR) u talabhom il-parir tagħhom.  Min-naħa tagħhom l-ECR irreferew dan il-każ lill-Health Care System Unit u lid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u Sikurezza Alimentari fi Brussell.  Fit-tweġiba tagħhom it-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u Sikurezza Alimentari tal-Kummissjoni Ewropea informaw lill-Kummissarju li l-persuna ikkonċernata kellha tieħu ħsieb li jkollha awtorizzazzjoni min-naħa tal-awtoritajiet tas-Saħħa u dan biex tkun tista’ tħallas dirett għat-trattament li tkun ser tirċievi.  Mill-banda l-oħra jekk il-pazjent ikun ħallas hu direttament  għat-trattament li jkun ingħatalu, l-ispiża għandha tkun tlaħħaq mal-benefiċċji li hemm stipulati bil-liġi.  Din il-liġi tistabbilixxi l-limiti u r-rati  ta’ dawn il-benefiċċji u taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jsiru l-ħlasijiet għall-ispejjeż.

Konklużjoni u rakkomandazzjoni    

Il-Kummissarju informa lill-complainant li d-Dipartiment tas-Saħħa kien ikkonfermalu li ma kienx possibbli li jingħata xi ħlas ieħor barra minn dak li kien  diġà ingħatalu. Lill-complainant informah ukoll li kien ivverifika mar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea fejn Regolament (EC) Nru 883/2004 jgħid hekk:

  1. Artikolu 19(1) – it-trattament għandu jingħata “skont id-dispoizzjonijiet tal-leġislazzjoni li din l-istituzzjoni tapplika”, jiġifieri daqslikieku t-trattament kien qiegħed isir f’Malta.
  2. Artikolu 20 – il-persuna konċernata “għandha tikseb awtorizzazzjoni mill-istituzzjoni kompetenti” sabiex dik l-istituzzjoni lokali – f’dan il-każ id-Dipartiment tas-Saħħa – iħallas għat-trattament meħtieġ.
  3. Artikolu 25(B)(4) tistipula illi jekk il-persuna konċernata tkun ħallset hi għall-kura, dawn l-ispejjeż għandhom jkunu komparabbli mal-benefiċċji fejn il-limiti u r-rati taħt liema kundizzjonijiet dawn jiġu mogħtija huma stipulati fil-liġi.
  4. Artikolu 27(4) – l-ispejjeż tal-kura li l-istituzzjoni (f’dan il-każ id-Dipartiment tas-Saħħa) iħallas huma skont l-ammont li dan it-trattament jiswih li kieku sar “fl-istat li fih il-persuna hija residenti” jiġifieri li kieku l-kura ngħatat f’Malta.

Wieħed għandu jieħu in konsiderazzjoni l-fatt illi għalkemm il-complainant ma kienx talab minn qabel l-approvazzjoni tad-Dipartiment tas-Saħħa,  dan xorta waħda ingħata lura ħlas li huwa ekwivalenti għall-ammont li dan it-trattament kien iqum lill-Gvern li  kieku sar fl-Ingilterra, u  li l-spiża tiegħu hija akbar minn dak li jqum trattament f’Malta.

Għaldaqstant f’dawn iċ-ċirkostanzi, l-Kummissarju stabbilixxa li d-Dipartiment tas-Saħħa kien mexa b’mod korrett u għalhekk it-talba għall-ħlas tal-ispejjeż kollha għall-kura li ngħatat barra minn Malta, ma tistax tiġi sostnuta.

 

Informazzjoni
Każijiet fil-qosor