Azzjoni dixxiplinarja fl-Armata – L-Ombudsman m’għandux ġurisdizzjoni

L-ilment

Membru tal-Forzi Armati ta’ Malta ressaq ilment lill-Ombudsman dwar allegazzjoni li sofra inġustizzja meta tkeċċa mill-Armata wara li skonta sentenza ta’ ħabs.  Hu insista li din it-tkeċċija kienet inġusta.

Kunsiderazzjonijiet u konklużjoni

  1. L-Ombudsman informa lill-complainant li l-Att dwar l-Ombudsman kien jagħti ġurisdizzjoni lill-Ombudsman, skont ma tipprovdi l-Ewwel Skeda tal-Att, li jinvestiga biss ilmenti mressqa mill-membri tal-Forzi Armati dwar ħatriet, promozzjonijiet, salarji u drittijiet ta’ pensjoni.
  1. Wieħed ma seta’ bl-ebda mod jikkonkludi li dan l-ilment kien jaqa’ f’xi waħda minn dawn il-kategoriji tal-ġurisdizzjoni tal-Ombudsman. Kien il-Kmandant tal-Forzi Armati li kellu d-diskrezzjoni li jtemm is-servizz militari tal-persuna li ressqet l-ilment għaliex kien hemm proċeduri tal-qorti u eventwalment ingħatat sentenza ta’ ħabs fil-konfront tiegħu.
  1. Każijiet bħal dawn huma regolati mill-Avviż Legali 91 tal-1970 li fih regolamenti dwar il-Ħatriet u Kundizzjonijiet tas-Servizz tal-forzi regolari tal-Forzi Armati ta’ Malta. Ir-regolament 45(1)(e) jipprovdi li:

“… is-servizz mal-forza jista’ jintemm fil-każijiet u bil-mod hawnhekk iżjed il-quddiem provdut:  raġel tal-forza li matul is-servizz tiegħu ġie kundannat-

(i) minn qorti ċivili jew minn qorti marzjali għal priġunerija; jew

(ii) minn qorti ċivili għal detenzjoni; jew

(iii) minn qorti marzjali għal perijodu ta’ detenzjoni li mal-konferma tkun għal tnax-il xahar jew iżjed, għandu jiġi maħlul mis-servizz ħlief jekk fil-fehma tal-Kmandant it-tiżmim tiegħu fis-servizz ikun meħtieġ fl-interess tas-servizz;…”

  1. Il-complainant instab ħati mill-Qorti Ċivili u ġie ikkundannat għal żmien ta’ detenzjoni fil-ħabs. Għaldaqstant b’mod awtomatiku kien suġġett bil-liġi li jitkeċċa mill-Forzi Armati.  Jidher li l-Kmandant ma ħassx il-ħtieġa li fil-każ tiegħu issir eċċezzjoni.  Għalhekk il-complainant ma setax ikompli bis-servizz tiegħu fil-forza.
  1. L-Uffiċċju ipprova jgħin lill-persuna li ressqet l-ilment u ivverifika jekk setax ikollu rimedju mid-Dipartiment għall-Impjiegi u Relazzjonijiet Industrijali. Madanakollu, mill-istħarriġ irriżulta li minħabba li l-complainant kien membru ta’ forza dixxiplinata, hu ma setax jitqies bħala “impjegat” skont it-tifsira mogħtija fl-Att dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.  Fil-fatt Artiklu 2 ta’ dan l-Att, il-kelma “impjegat” tfisser individwu li jaħdem jew li soltu jaħdem jew li jkun qed ifittex xogħol jew ma’ dipartiment tal-Gvern, imma barra minn bħala membru tal-forza dixxiplinata.  Għalhekk il-complainant ma setax jikkontesta t-tkeċċija tiegħu mill-Armata quddiem it-tribunali ċivili għaliex il-leġislazzjoni li tirregola l-impjiegi u relazzjonijiet industrijali ma kienetx tapplika għall-membri tal-Forzi Armati.

Għal din ir-raġuni l-Ombudsman ma setax ikompli bl-investigazzjoni tal-ilment.

Każijiet fil-qosor