Leġiżlazzjoni

Il-Leġiżlazzjoni

L-Ombudsman huwa Uffiċjal indipendenti tal-Parlament maħtur mill-President tar-Repubblika skont il-poteri li tagħtih il-liġi, permezz ta’ riżoluzzjoni tal-Kamra tad-Deputati, approvata minn mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti tal-Membri tal-Kamra.  L-istituzzjoni tal-Ombudsman kienet imwaqqfa permezz tal-Att dwar l-Ombudsman (l-Att XXI tal-1995) li kien mogħti l-kunsens tal-President fil-25 ta’ Lulju tal-1995.  Kważi preċiż tnax-il sena wara, l-Kamra tad-Deputati unanimament approvat l-Abbozz li jemenda l-Att dwar l-Ombudsman sabiex l-istituzzjoni tal-Ombudsman tiġi inkorporata fil-Kostituzzjoni.  Il-President ta l-kunsens tiegħu lil dan l-Att (emendat) fl-24 ta’ Lulju 2007, fejn l-Uffiċċju tal-Ombudsman ġie rikonoxxut bħala awtorita` kostituzzjonali permezz tad-dħul ta’ klawsola fil-Kostituzzjoni li tista’ biss tiġi emendata b’riżoluzzjoni ta’ mhux anqas minn żewġ terzi tal-voti tal-Membri kollha tal-Kamra[1].

Fl-2010 l-Att dwar l-Ombudsman ġie emendat permezz tal-Att XVII tal-2010 li jipprovdi għall-ħatra ta’ Kummissarji għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi f’oqsma speċjalizzati tal-amministrazzjoni pubblika.  Dawn l-emendi fornew lill-Kummissarji b’indipendenza u awtonomija sħiħa fil-qadi tal-poteri u l-funzjonijiet rispettivi tagħhom fl-oqsma li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tagħhom.  L-Att jesiġi li huma jaddottaw l-istess proċessi u proċeduri investigattivi li l-Ombudsman innifsu irid jsegwi skont l-Att dwar l-Ombudsman.  L-Att jinkludi ukoll provvedimenti oħra legali li jirregolaw il-ħidma tal-Ombudsman Parlamentari u l-Kummissarji sabiex jipprovdu servizz investigattiv aktar konsistenti.  Dawn il-Kummissarji huma ukoll Uffiċjali tal-Parlament.

Agħfas hawn biex tniżżel l-Att dwar l-Ombudsman


[1] Artikli 64A u 66 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.