L-Ombudsman

AMIs-Sur Anthony C. Mifsud

 (2016 – )

L-Ombudsman il-ġdid kellu karriera twila bħala uffiċjal pubbliku qabel ma nħatar Awditur Ġenerali fl-2008.  L-aħħar kariga tiegħu fis-Servizz Pubbliku kienet dik ta’ Segretarju Permanenti fil-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura.  Filwaqt li l-ewwel kariga tiegħu fis-servizz pubbliku kienet fid-dipartiment tat-Teżor fejn dam ħames snin qabel ma ġie trasferit fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta fl-1969 kien inħatar bħala Uffiċjal Eżekuttiv Għoli.

Fl-1970 ingħata fellowhsip mill-Gvern Ingliż fejn kellu jitħarreġ bħala Systems Analyst fil-Kulleġġ tat-Teknoloġija ta’ Mid-Essex.  Fl-Establishments Division ta servizz fl-Efficiency Development u aktar tard fl-Organisation and Training Branch.

Wara rakkomandazzjoni li saret mill-Kummissjoni dwar ir-Riforma fis-Servizz Pubbliku, s-Sur Mifsud kien fdat sabiex iwaqqaf l-iStaff Development Organisation u ġie appuntat bħala l-ewwel Direttur ta’ din l-Organizzazzjoni.

Fl-1997, inħatar bħala Direttur Ġenerali fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u  kellu l-kompitu li jwaqqaf Charter Support Unit u kien involut sabiex jiġi stabbilit Direttorat dwar ir-Regional Policy li illum huwa msejjaħ Planning and Priorities Coordination Division fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.  Fl-2004, inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru tar-Riżorsi u l-Infrastruttura.

Ġie elett fil-Kumitat Eżekuttiv tal-Istanding Conference of the European Public Service Training Agencies, fejn is-Sur Mifsud kien chairman għal erba’ snin sa Ġunju tal-1998.  Mill-1998 sal-2001 kien ir-rappreżentant nazzjonali fil-Kunsill Internazzjonali għall-IT fl-Amministrazzjonijiet Governattivi (ICA).  Is-Sur Mifsud huwa ukoll Fellow fiċ-Chartered Institute of Personnel and Development tal-Ingilterra.

Għal għoxrin sena kien membru tal-Kunsill tal-Università u għal tletin sena kien ir-rappreżentant tal-Gvern fil-Bord tal-Fakultà tal-Ekonomija, Management u Accountancy (FEMA).

Fis-16 ta’ Marzu 2016, b’riżoluzzjoni unanima tal-Kamra tad-Deputati nħatar bħala Kummissarju Parlamentari għall-Investigazzjonijiet Amministrattivi magħruf bħala l-Ombudsman.