Dwarna

Ir-rwol tal-Ombudsman

L-Ombudsman m’għandux jistħarreġ l-azzjonijiet  tal-Gvern mill-aspett legali biss.  Għalkemm huwa mistenni illi jara li tali azzjonijiet kienu jsegwu u qiegħdin japplikaw liġijiet u regolamenti stabbiliti, huwa ukoll imħeġġeġ illi jara kull aspett meta jikkummenta jekk dawn humiex ġusti.  Jekk l-Ombudsman jikkonkludi illi dik l-azzjoni li dwarha sar l-ilment, għalkemm kienet skont il-liġi jew prattika adottata, kienet fil-fatt irraġonevoli, inġusta, oppressiva u qed toħloq diskriminazzjoni improprja, l-Ombudsman jista’ meta jħoss li jkun il-każ jirrakkomanda li din l-inġustizzja tiġi rimedjata u terġa’ tiġi ikkunsidrata l-liġi li fuqha ġiet bażata din id-deċiżjoni.

L-Ombudsman ta’ spiss jaġixxi bħala medjatur bejn iċ-ċittadin li jħoss li sofra inġustizzja u l-awtorita` pubblika li dwarha sar l-ilment.  Ħafna drabi l-investigazzjoni tiegħu tiġi fi tmiema permezz ta’ Opinjoni Finali fejn isiru rakkomandazzjonijiet sabiex jiġi rimedjat l-ilment li jinstab li huwa ġustifikat.  Madanakollu ħafna mill-ilmenti jiġu riżolti b’mod informali matul l-istħarriġ.